Neighbourhood Watch fil-Marsa: Residenti b'irwol aktar dirett fiż-żamma tal-ordni
Din l-inizjattiva qed issir biex tindirizza 'r-realtajiet u l-isfidi partikolari fil-lokalità'
More in Socjali
Din l-inizjattiva qed issir biex tindirizza 'r-realtajiet u l-isfidi partikolari fil-lokalità'
Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza ħabbar sħubija bejn il-Pulizija u l-komunità fil-Marsa li, permezz tagħha, se jibda jitħaddem il-programm tan-Neighbourhood Watch fil-lokalità.
B’dan il-proġett pilota, ir-residenti se jkollhom irwol aktar attiv sabiex jikkontribbwixxu biex tinżamm l-ordni fiż-żona. Dan filwaqt li l-Pulizija se talloka aktar riżorsi għal dan il-għan.
Kull żona tal-lokalità se jkollha kordinatur li għandu jassigura koordinazzjoni aktar effiċjenti bejn ir-residenti u l-uffiċċjali tal-Korp, permezz tal-mezzi soċjali kif ukoll laqgħat regolari li se jsiru kull xahar. B’hekk, ir-residenti se jkollhom pjattaforma aktar b’saħħitha fejn jistgħu jirrapportaw fuq dak li jkun qed iħassibhom, jew fuq każijiet li jaraw, filwaqt li l-Pulizija tkun tista’ żżommhom aktar aġġornati u tgħaddi informazzjoni b’mod aktar effiċjenti.
Dan kien spjegat mill-Ministru Byron Camilleri, li żied jgħid li, “is-sigurtà fil-lokalità tal-Marsa u f’lokalitajiet oħra tibqa’ priorità. Din għandha tibqa’ tkun indirizzata u inizjattivi bħal tal-proġett pilota tan-Neighbourhood Watch huma pass ieħor importanti ta’ kollaborazzjoni mal-komunità, għall-ġid tal-komunità.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa fhiehem li l-għanijiet u l-mod li bih qed titħaddem din l-inizjattiva fil-Marsa, “lokalità b’realtajiet u b’karatteristiċi partikolari.” Fuq dan il-punt, wieħed jista’ jagħmel referenza għas-sitwazzjoni li l-ILLUM irrapportat fuqha ftit ġimgħat ilu, fejn il-pont tal-bypass tal-Marsa kien infestat b’xiri u użu ta’ droga fl-apert, kif ukoll vandaliżmu regolari.
Is-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi wera l-apprezzament tiegħu lejn l-isforzi kollha li qed isiru mill-Pulizija, fejn partikolarment faħħar l-inizzjattiva tan-Neighbourhood Watch, kif ukoll dik tal-Pulizija tal-Komunità. Skontu, fil-Marsa diġa “kien hemm żvilupp pożittiv u importanti."
Minkejja dan, tenna li hemm materji oħra li jeħtieġ li jkomplu jkunu indirizzati fil-lokalità.
Il-Ministeru temm billi enfasizza l-importanza tas-“sigurtà għan-nies fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin,” filwaqt li ħabbar li inizzjattivi ta’ din ix-xorta se jkomplu jinfirxu f’iżjed lokalitajiet madwar il-pajjiż fix-xhur li ġejjin.