Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li 27 organizzazzjoni volontarja se jkunu qiegħdin jibbenefikaw minn skema li toffri għajnuna lill-għaqdiet tal-armar tal-festi, għaqdiet kulturali u għaqdiet soċjali. It-total tal-għajnuna jammonta għal €140,000.
L-għan ta’ din l-iskema, amministrata mill-Kunsill Malti għall-Arti, huwa li t-tradizzjonijiet kulturali jiġu mħarsa u msaħħa, b’mod partikolari l-armar u t-tiżjin tal-festi.
Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-għaqdiet għall-impenn tagħhom sabiex jinħoloq u jiġu ddiżinjat it-tiżjin tat-toroq. Huwa qal, “Permezz tal-implimentazzjoni ta’ din l-iskema, qegħdin inkomplu nsaħħu l-qafas kulturali ta’ pajjiżna, u t-tradizzjonijiet rikki tat-tiżjin tal-festa. Dan l-appoġġ jinkludi mhux biss għajnuna fid-disinn u l-manifattura, iżda jestendi ukoll għall-investiment fit-tagħlim u t-taħriġ, flimkien mat-trawwim ta’ diversi proġetti u attivitajiet kulturali. Inizzjattivi bħal dawn b’mod konsistenti jipprovdulna l-bażi biex insaħħu u niżguraw il-futur tal-wirt kulturali tagħna.”
Preżenti ukoll kien hemm Mary Ann Cauchi, id-Direttur tal-Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti. Din saħqet kif dan il-fond “jappoġġja lill-bosta organizzazzjonijiet madwar l-ibliet u l-irħula li jkomplu jikkontribwixxu għall-festi tradizzjonali Maltin, li jiddedikaw il-ħin tagħhom matul is-sena kollha biex isaħħu l-aspett artistiku ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.”
Żiedet ukoll li, “din l-iskema tiżgura li dawn l-organizzazzjonijiet jirċievu l-appoġġ meħtieġ biex ikomplu javvanzaw l-isforzi tagħhom, filwaqt li jiġi mħeġġeġ ukoll livell ogħla ta’ kisbiet artistiċi.”