‘Is-sistema edukattiva mhux tipproduċi ħaddiema ta’ kwalità’ - Il-President tal-MEA

Filmati mill-programm televiżiv Wonderball ta’ Maltin li kellhom tweġibiet interessanti għall-mistoqsijiet tal-preżentatur ġabu magħhom bosta reazzjonijiet, fejn apparti daħqa jew tnejn, bosta kienu dawk li staqsew dwar il-livell ta’ għarfien ġenerali fost il-poplu Malti. L-ILLUM staqsiet lill-President tal-MEA Joseph Farrugia dwar dan, u x’ifisser għall-ħaddiema ta’ għada

Dwar dan, l-ILLUM staqsiet lill-President tal-Assoċċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem Joseph Farrugia, li huwa wkoll lettur fi ħdan l-Università ta’ Malta, u b’hekk huwa espost għall-għarfien tal-Maltin li jkunu qed jistudjaw, kif ukoll dawk li diġà qiegħdin fid-dinja tax-xogħol.

Farrugia stqarr ma’ din il-gazzetta kif huwa jemmen li l-aċċessibilità ta’ informazzjoni vasta wasslet għall-punt fejn wieħed ma jidħolx fid-dettall fil-qari u r-riċerka tiegħu. “Illum il-qari naqas,” stqarr Farrugia, filwaqt li nnota li minkejja l-informazzjoni li ma tispiċċa qatt li wieħed jista’ jsib fuq l-internet, huma ħafna li jippruvaw iqassru, u b’hekk ma jkunux vera qed jitgħallmu.

Dawn it-tweġibiet u n-nuqqas ta’ qari, jispjega Farrugia huma sintomi ta’ problema akbar f’pajjiżna li tinvolvi t-traskuraġni tal-akbar u l-unika riżorsa li għandha Malta; ir-riżors uman. “Waħda mir-raġunijiet għalfejn qed niddependu ħafna fuq il-ħaddiema barranin hija l-fatt li qed nitraskuraw ir-riżors uman,” stqarr Farrugia.

Huwa nnota kif għal snin sħaħ, is-settur pubbliku kien l-akbar sors ta’ impjieg għall-poplu Malti, u b’hekk sal-lum il-ġurnata, eluf kbar ta’ Maltin u Għawdxin għadhom impjegati f’dan is-settur. Farrugia stqarr li “ħafna nies jaħdmu fis-settur pubbliku imma m’humiex utilizzati b’mod produttiv,” iżda s-settur pubbliku minnu nnifsu m’huwiex ir-raġuni prinċipali wara l-problemi marbuta mar-riżors uman.

Dan hekk kif innota wkoll li kemm fis-settur pubbliku, u anke dak privat hemm numru kbir ta’ ħaddiema li huma kwalifikati li għandhom xogħol li ma jħallasx biżżejjed għall-abbilitajiet tagħhom, jew ikunu kwalifikati ż-żejjed, u għalhekk ma jkunux qed jieħdu l-vantaġġ kollu tal-abbilitajiet tagħhom.

Raġuni oħra għandha x’taqsam mal-proċess edukattiv, u kif skont Farrugia, is-sistema edukattiva mhix tipproduċi l-ammont ta’ ħaddiema neċessarju biex ilaħħqu mad-domanda ta’ ħaddiema eżistenti.

Hawn saret referenza għall-aħbar riċenti inkwetanti li għandha x’taqsam mar-riżultati ta’ studenti li poġġew għall-eżamijiet tal-O-levels din is-sena, fejn kwart minnhom m’għaddewx mill-Malti u l-Matematika, jew lanqas biss tfaċċaw għall-eżami. Apparti dawn is-suġġetti, din is-sena ġew osservati wkoll rata ta’ aktar minn 20% ta’ studenti li ma jgħaddux minn dawn l-eżamiijet kruċjali għall-edukazzjoni u l-karrieri tagħhom.

Meta mistoqsi dwar dawn ir-riżultati, Joseph Farrugia tkellem b’mod iddettaljat dwar is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna u kif din inbidlet tul iż-żmien. Fosthom, huwa tkellem dwar l-introduzzjoni tal-MCAST u kif il-ftuħ ta’ din l-istituzzjoni kien pass importanti għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-istudenti Maltin, tant li skontu, “illum il-ġurnata ħadd ma jiddubita l-validità tal-MCAST.”

Dan hekk kif Farrugia spjega li qabel l-introduzzjoni ta’ din l-istituzzjoni edukattiva, kien ikun hemm studenti li jkomplu jistudjaw fl-Università ta’ Malta, iżda l-bqija tal-istudenti ma kinux ikomplu jistudjaw. B’hekk din l-istituzzjoni serviet għal triq tan-nofs, fejn min ma kienx jixtieq ikompli l-proċess edukattiv fl-Università, seta’ jagħżel li jistudja u jitħarreġ f’suġġetti oħra, u b’hekk xorta waħda jtejjeb l-abbilitajiet tiegħu.

Apparti dan, Farrugia stqarr ukoll kif illum il-ġurnata, linja vokazzjonali m’għadhiex titqies bħala waħda inferjuri għal-linja akkademika. Minkejja dan, huwa nnota li dan m’huwiex biżżejjed, hekk kif anke jekk qed jiżdiedu l-istudenti u n-nies li jigradwaw mill-Università, is-sistema edukattiva mhix toħloq ħaddiema li huma lesti għad-dinja tax-xogħol.

Farrugia nnota wkoll xejra ġdida li qed tiġi nnutata fost l-istudenti. “Hemm din il-ġirja biex għal kull suġġett nagħmlu degrees, anke fl-MCAST, u allura ħafna nies qed jevitaw il-linja vokazzjonali wkoll,” jispjega Farrugia, hekk kif innota li fil-fehma tiegħu, dan huwa żball, hekk kif linji vokazzjonali mhux ta’ min jiġu aljenati.

Bħala lettur fi ħdan l-Università, Farrugia qal li jaħdem mill-viċin mal-istudenti u l-ħaddiema ta’ għada, hekk kif innota li, “sfortunatament, is-sistema edukattiva li għandna

bħalissa hija kemm tiflaħ tiftakar u kemm int kapaċi tirriproduċi dak li studjajt, u mhux kemm l-istudent huwa kapaċi jaħseb għal rasu b’mod kreattiv.” Spjega kif fl-aħħar mill-aħħar, gradwat huwa persuna li jjaqra u jaħseb, iżda din is-sistema edukattiva kurrenti, minħabba li l-emfasi hija fuq il-memorja, ċertu nuqqas ta’ ħsieb iwaqqa’ l-kwalità tal-istudenti u l-ħaddiema.

Dan, jisħaq Farrugia, huwa l-oppost tal-kwalitajiet li huma meħtieġa għad-dinja tax-xogħol tal-lum il-ġurnata, fejn min iħaddem, filwaqt li xorta waħda jfittex il-kwalifiċi tal-ħaddiema, ifittex iżjed il-kapaċitajiet tal-individwi. “Aktar minn kollox, min iħaddem ifittex nies li huma kapaċi jħabblu moħħhom u nies li huma kreattivi,” kompla jinnota Farrugia, hekk kif spjega li biex ħafna drabi, biex isolvi problema, wieħed irid ikun kreattiv fis-soluzzjonijiet tiegħu.

“Huwa tajjeb li jiżdiedu l-gradwati mill-istituzzjonijiet edukattivi tagħna, imma fl-aħħar mill-aħħar, jeħtieġ li jkun hemm standards biex dawk li jidħlu fid-dinja tax-xogħol ikunu preparati biex isolvu l-problemi,” stqarr Farrugia. Huwa għalaq billi nnota li llum il-ġurnata, hemm bżonn li jsir eżami tal-kuxjenza minn dawk inkarigati bis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna.

Temm billi qal li l-mistoqsija li wieħed irid jistaqsi hija, “aħna verament qiegħdin nipproduċu nies edukati ta’ livell terzjarju?”

More in Socjali