Ir-residenti tal-Imqabba joġġezzjonaw kontra żvilupp fil-lokalità

Dan jikkonċerna blokka ta' 5 sulari fejn il-Pjan Lokali jippermetti biss tlieta, fuq art agrikola minn fejt jiġu sparati l-murtali tal-festa

L-impredintur Joseph Portelli qajjem furur fil-konfront tiegħu minn grupp ta’ residenti ieħor, din id-darba dak tal-Imqabba.

Dan b’referenza għal bini ta’ blokka għolja ħames sulari fuq art agrikola, li tikkonsisti f’43 appartament, f’żona fejn il-Pjan Lokali jippermetti biss għoli ta’ tliet sulari. Ir-residenzi saħqu li huma “kontra din l-applikazzjoni (PA/04317/23 ) li se tibla’ waħda mill-aħħar spazji miftuħa fir-raħal.”.

“Dan l-iżvilupp huwa sproporzjonat u ma jmurx mal-bqija tal-viċinat, minbarra li jmur kontra l-politika attwali,” qalet rappreżentanta tar-residenti. “Dan il-bini se jiċħadna minn spazju miftuħ, jiftaħ il-bqija taż-żona għall-iżvilupp, u jwassal għal iżjed traffiku u tniġġis.”

Ir-residenti lmentaw ukoll kif dan l-iżvilupp se jkollu impatt fuq id-delizzju tan-nar fil-lokalità, fejn se jagħmilha impossibbli għad-dilettanti sabiex jibqgħu joperaw miż-żona, minn fejn jittellgħu il-murtali tal-festa.

“Din il-blokka se tinbena fuq art agrikola. Il-pajjiż jaffordja s-sagrifiċċju ta’ iżjed art agrikola għall-iżvilupp? X’sar mill-wegħda li jinħolqu spazji miftuħin ġodda? Ir-residenti tal-Imqabba reġgħu ġew minsijin? Il-vuċi tagħhom hija sekondarja għall-interessi tal-iżviluppaturi?” saqsew ir-residenti.

Ir-residenti għamlu appell sabiex il-pubbliku jdaħħal oġġezzjoni kontra din il-binja sal-4 ta’ Settembru. Huma tennew li, “din hija storja simili għal dak li għaddej f’bosta rħula oħrajn. Wasal iż-żmien li nieħdu azzjoni u niddefendu dak li hu tagħna, kif sar f’irħula oħra.”

More in Socjali