Il-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) tgħid li r-rapport maħruġ aktar kmieni dil-ġimgħa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juri li l-iżvilupp ta' residenzi f'Malta huwa wieħed neċessarju, minħabba domanda kostanti għar-residenzi.
Fi stqarrija, hi laqgħet il-pubblikazzjoni taċ-Ċensiment dwar il-Popolazzjoni u r-Residenzi tal-2021, hekk kif saħqet li dan jipprovdi “bażi fattwali għal analiżi tas-suq kif ukoll l-iżvilupp tal-politika.”
Skont l-interpretazzjoni tagħha, il-fatt li hawn 81,613 residenza li qed tintuża għall-villeġġjatura jew qiegħda vakanti mhix ħaġa negattiva. Anzi, skont l-MDA, meta din tinxtarr sew, hija statistika pożittiva.
Spjegat li l-NSO, li ppubblikaw l-istatistika, ma tistax tagħmel distinzjoni bejn dawk vakanti u dawk użati bħala residenza sekondarja, għalhiex l-informazzjoni dwar dawn tinġabar mingħand il-ġirien jew minn eżaminu tal-kundizzjoni tal-bini, li jista’ huwa kejl suġġettiv.
Hija saħqet li l-fatt li s-suq tal-kiri u xiri tal-propjetà dejjem qed isir aktar diffiċli għall-konsumatur huwa evidenza li l-argument li dawn id-djar huma vojta ma jreġġix. Anzi, aktar Maltin qed jixtru it-tieni dar tagħhom. Dan bi skop li jużawha għall-villeġġjatura, u għalhekk qed jiżdiedu residenzi sekondarji f’Għawdex, jew biex jinkrew lil nies oħra, ħaġa li saret sors ta’ dħul komuni għall-familji Maltin.
Xhieda oħra ta’ dan huwa l-fatt li 80% tal-Maltin huma sidien ta’ djar, u li issa qed jinvestu fit-tieni u t-tielet propjetà, kompliet l-MDA.
Hija tenniet li għalkemm in-numru għoli ta’ bini vakanti kien problema fil-passat, illum m’huhiex il-każ, u l-bini vakanti li baqa’ huwa kważi kollha minħabba litigazzjonijiet twal li jirregwardaw is-suċċessjoni.
Għall-MDA, il-fatt li l-akbar żieda kienet f’residenzi primarji (41.2%) hija affirmazzjoni li “kull ġenerazzjoni Maltija tara r-residenza tagħha bħala investiment.”
Apparti minn dan, il-fatt li l-NSO qal li l-maġġoranza tar-residenzi huma fi stat tajjeb ixxejjen l-argument li dawn huma vakanti.