
‘Nistgħu nistennew splużjoni fil-popolazzjoni ta’ ġrieden u wirdien’
Minn siti ta' kostruzzjoni f'kull kantuniera sa bini ta' appartamenti li joħolqu pressjoni fuq is-sistema tad-drenaġġ, l-attivitajiet tal-bnedmin qed jagħmluha aktar faċli biex speċi bħall-ġrieden u wirdien ikabbru l-popolazzjoni tagħhom

minn Matthew Farrugia
.png)
Il-mod ta’ kif qed nibnu u ngħixu qed jiffaċilita tkabbir qawwi ta’ popolazzjonijiet ta’ speċi problematiċi, fosthom ġrieden u wirdien li qed isibu rwieħhom fid-djar tan-nies u anke l-ħwienet.
Dan kien il-kumment allarmanti ta’ Arnold Sciberras, konsulent fl-immaniġġjar u l-kontroll tal-pesti li tkellem ma’ din il-gazzetta dwar kif diversi attivitajiet u żviluppi fis-soċjetà Maltija qed iwasslu għal problemi serji f’dak li għandu x’jaqsam mal-popolazzjonijiet ta’ numru ta’ pesti.
Sciberras innota wkoll b’dispjaċir li l-awtoritajiet mhux jgħinu fil-mitigazzjoni ta’ dawn il-popolazzjonijiet, hekk kif stqarr li l-programm tal-Gvern biex irażżan il-popolazzjoni tal-ħamiem slavaġ twaqqaf ħesrem, u b’hekk il-pubbliku jista’ jistenna spluzjoni fl-ammont ta’ ħamiem f’żoni urbani.
Sciberras, flimkien ma’ numru ta’ kumpaniji ta’ kontroll tal-pesti stqarrew li fenomenu li jaraw ħafna waqt xogħolhom għandu x’jaqsam mal-wirdien, u kif meta tkun qed tinqala’ triq sabiex isiru xogħolijiet, dawn isibu ruħhom bla dar. Għalhekk, huma u jfittxu dar ġdida, jidħlu fir-residenzi tan-nies u binjiet oħra. Din hija raġuni waħda wara żieda notevoli fil-klijenti li ġiet innutata minn kumpaniji ta’ kontroll ta’ pesti.
Sciberras, li għandu wkoll kumpanija ta’ kontroll ta’ pesti u huwa riċerkatur fuq is-suġġett, stqarr li l-bini bla kontroll huwa fattur ieħor li qed jikkontribwixxi għaż-żidiet fil-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi.
Huwa nnota li s-siti ta’ kostruzzjoni minnhom infushom jipprovdu l-kundizzjonijiet ideali sabiex speċi bħall-wirdien ikabbru l-popolazzjoni tagħhom, u jekk ma jkunx hemm min jieħu azzjoni immedjata, dawn isibu rwieħom fid-djar tan-nies. Fattur ieħor marbuta mal-bini huwa n-nuqqaas ta’ pjanar f’dak li għandu x’jaqsam mad-drenaġġ.
Sciberras spjega kif illum il-ġurnata, meta titwaqqa’ dar biex tittella’ blokka ta’ appartamenti, minflok ikun hemm kamra tal-banju waħda jew tnejn jinbnew numru ferm ikbar ta’ kmamar tal-banju. Dan filwaqt li l-infrastruttura tad-drenaġġ tibqa’ bħallikieku qed tintuża minn residenza waħda, u b’hekk tkun tiflaħ ferm inqaas għall-ħtiġijeit ta’ numru ta’ residenzi.
Dan kollu, skont Sciberras jagħti l-pesti aktar opportunitajiet biex jirnexxu fit-tkabbir tal-popolazzjoni tagħhom.
Apparti dan, l-ammont kbir ta’ żibel li jiġi ġġenerat mir-residenzi u li ma jinġabarx fil-ħin huwa wkoll ta’ benefiċċju għal pesti bħall-ġrieden. Sciberras innota li fl-aħħar ġimgħat, meta lokalitajiet bħal Ta’ Sliema u San Ġiljan kellhom problema serja ta’ żibel fit-toroq, “il-ġrieden u l-wirdien għamlu festa.”
Fil-fatt, huwa spjega li persuni f’Ta’ Sliema u San Ġiljan kienu uħud mill-aktar klijenti frekwenti tiegħu, hekk kif anke l-Kunsilli Lokali ta’ dawn iż-żewġ lokalitajiet avviċinawh għas-servizzi tiegħu minħabba l-problema serja ta’ dawn l-ispeċi.
Sciberras tkellem fit-tul dwar il-bżonn li l-awtoritajiet jieħdu dawn il-problemi bis-serjetà, hekk kif meta ċerti speċi jibdew ikabbru l-popolazzjoni tagħhom minħabba l-attività tal-bnedmin, dan jista’ jkun ta’ detriment kbir għal speċi oħra li huma kruċjali għall-ekosistema ta’ pajjiżna, apparti l-fatt li joħolqu wkoll problemi għal eluf ta’ residenti f’Malta.
Kien għalhekk li huwa tkellem b’diżappunt kbir għall-fatt li l-Gvern waqqaf il-programm ta’ kontraċettivi għall-ħamiem, u b’hekk wissa, “nistgħu nistennew splużjoni fil-popolazzjoni tal-ħamiem fiż-żmien li ġej.”
Minkejja li l-ħamiem ma jitqiesx annimal simili għal pesti oħra bħall-ġrieden, dawn jistgħu ikunu problematiċi ferm, minħabba l-ħsara kbira li kapaċi jagħmlu meta l-popolazzjoni tagħhom tikber. Fosthom, il-ħamiem għandhom kapaċità kbira li jmexxu l-mard, u jistgħu jagħmlu ħsara fuq proprjetajiet, bħal karozzi u binjiet.
Il-programm li kien jitma’ ikel imħallat b’kontraċettiv għall-ħamiem kien tħabbar fl-2021 mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Kunsilli Lokali u kellu jdum għaddej minn tal-inqas tliet snin sakemm il-popolazzjoni tal-ħamiem tiġi kkontrollata. Minkejja dan, Sciberras qal lil din il-gazzetta li dan il-programm twaqqaf milli jopera madwar xahar ilu.
Bosta Maltin u Għawdixn f’numru ta’ rħula jafu sew il-problemi li jġibu magħhom popolazzjonijiet kbar ta’ ħamiem slavaġ. Fil-passat, il-Kunsilli Lokali ta’ San Ġilja, Ta’ Sliema u l-Birgu kellhom jirrikorru għall-isparar tal-ħamiem fit-toroq sabiex jikkontrollaw din l-ispeċi problematika.

