Nhar it-Tnejn tibda s-sena skolastika 2023-24

Is-sena skolastika ġdida mistennija tilqa’ kważi 35,000 student u studenta fl-iskejjel

Nhar it-Tnejn, total ta’ 28,757  student se jibdew is-sena skolastika tagħhom fl-iskejjel primarji u sekondarji flimkien ma’ ftit iktar minn 7,700 edukatur fl-iskejjel tal-Istat, filwaqt li 5,942 student fil-livell ta’ Kindergarten jibdew is-sena skolastika tagħhom fit-2 ta’ Ottubru.

Intant, għal din is-sena skolastika ġew impjegati 275 professjonist ġdid bejn edukaturi, KGEs u LSEs. Kienu mġedda wkoll 566 kuntratt ta’ professjonisti oħrajn.

Wara sajf sħiħ ta’ preparamenti amministrattivi, akkademiċi, infrastrutturali u diġitali, eluf ta’ studenti u edukaturi se jgawdu minn numru ta’ proġetti li saru għal din is-sena skolastika.

12-il proġett maġġuri ta’ infrastruttura edukattiva tlestew mill-Fondazzjoni Għall-Iskejjel ta’ Għada, b’investiment ta’ €20 miljun. Dan filwaqt li hemm 4 proġetti oħrajn, li x-xogħol fuqhom mistenni jkompli għaddej, b’investiment ta’ €53 miljun. Barra minn hekk, twettaq investiment ta’ miljun ewro fuq 514 proġett ieħor ta’ manutenzjoni li sar matul is-sajf mill-ħaddiema tal-Ministeru.

Il-programm ta’ trasport b’xejn se jkompli hekk kif se jkun hemm mal-2,410 rotta ta’ trasport b’xejn għall-iskejjel. 925 rotta huma għal studenti tal-Istat. B’kollox, 32,833 student u studenta mil-livell ta’ Kindergarten sas-Sekondarja se jibbenefikaw minn dan is-servizz.

Matul l-aħħar xhur kien hemm ukoll titjib mit-tim tal-Information Management Unit fis-settur tal-infrastruttura diġitali li waslet għat-tlestija ta’ 57 proġett, fosthom it-tpoġġija ta’ Interactive Flat Panels, titjib fl-istruttura diġitali u xogħol ta’ ħolqien ta’ sistemi kompjuterizzati li minnhom se jgawdu kemm l-edukaturi u wkoll l-istudenti.

il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li barra dak infrastrutturali, sar ukoll titjib teknoloġiku sabiex tkompli titjieb is-sistema edukattiva ta’ pajjiżna, filwaqt li lill-edukaturi u lill-ħaddiema amministrattivi fl-iskejjel kollha.

More in Socjali