Malta b’rata ta’ ċiklisti baxxa ħafna
“Qabel ma tinvesti fl-infrastruttura, mhux ħa jkollok ħafna ċiklisti.” Il-President ta’ Rota jgħid li nuqqas ta’ pjanar wassal għal rati baxxi ta’ Maltin u Għawdxin li jużaw ir-roti. Dan ifisser aktar karozzi fit-toroq u aktar traffiku
minn Luigi Sghendo
Wara li statistika tal-Eurostat żvelat nuqqas kbir ta‘ ċiklisti f’Malta, l-ILLUM avviċinat lill-President tal-organizzazzjoni mhux governattiva Rota, Mark Trapani, li tkellem fuq in-nuqqasijiet infrastrutturali li t-toroq Maltin għandhom rigward l-aċċesibiltà għar-roti. L-istatistika tal-Eurostat li wriet li 2% biss tal-Maltin jużaw ir-rota bħala l-mezz ewlieni ta’ trasport.
Meta mistoqsi fuq l-isfidi li pajjiżna jaffaċja minħabba ċ-ċokon tiegħu, Trapani qalilna li fil-verità dan għandu jservi ta’ vantaġġ hekk kif postijiet lil hinn minn xtutna frekwentament jaffaċċjaw sfidi ta’ distanza twila. Huwa kompla jgħid li l-ispazju tat-triq għandu jiġi mqassam ġustifikament bejn it-tipi differenti ta’ trasport, u mhux tingħata prominenza biss lill-karozzi.
Fost proġetti li jistgħu jtejbu l-infrastruttura hemm l-Msida Creek Project fejn potenzjalment eluf ta’ studenti Univeristarji jkunu jistgħu jagħmlu użu minn karreġġjata taċ-ċikliżmu u jaslu għal-lezzjonijiet b’mod sostennibbli. Barra minn hekk, dan iservi ta’ tagħlima għall-ġenerazzjonijiet tal-futur li jinfluwenzaw il-politika favur l-ambjent u s-sosstenibiltà.
Finalment, Trapani appella għall-implimentazzjoni ta’ liġijiet li jħarsu ċ-ċiklisti, fosthom liġi li tirrikjedi wisa’ minima ta’ bejn metru jew metru u nofs għall-karreġjati tar-roti, hekk kif preżentement karreġjata tar-roti tista’ tkun kwalunkwe wisa’, tul u materjal.
Eżempju ċar li juri l-importanza li jiġu implimentati dawn ir-regolamenti tal-karreġjati jinsab f’Triq Sir Temi Zammit fl-Imġarr, fejn tliet organizazzjonijiet mhux governattivi (Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta u Rota) sejħu għal-pjanijiet ġodda fuq din it-triq minħabba nuqqas serju ta’ sigurtà fuq il-karreġjati tar-roti.
Din is-sejħa kienet saret wara li ċiklist weġġa’ gravi waqt li kien qed juża l-istess karreġjata tar-roti. L-għaqdiet saħqu li l-karreġjata tar-roti hija wisq dejqa u għalhekk tinforza liċ-ċiklisti biex jingħaqdu mat-traffiku li jkun għaddej b’veloċità għolja.
Huma saħqu li għandu jsir disinjar ġdid tat-triq li tassigura s-saħħa u sigurtà taċ-ċiklisti kollha li jużaw din it-triq, l-istess ċiklisti li qed inqqasu t-traffiku fit-toroq Maltin.
L-Unjoni Ewopea qed tindirizza din il-problema sew, wara li l-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni lejn il-Kummisjoni Ewropea, fejn fiha saħaq għal-strateġija b’saħħita favur iċ-ċikliżmu sal-2030.
Rapport simili fl-2013 tal-Eurostat żvela li Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ ċiklisti fil-ġimgħa mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropeja. Malta kellha rata ta’ 3%. Barra minn hekk l-istess rapport wera kif 93% tal-Maltin qatt ma saqu rota f’ħajjithom. B’kuntrast ma’ dan, fit-toroq Maltin hawn kważi 425,000 vetturi, minnhom mal-317,000 huma karozzi tal-passiġiera skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-aħħar tal-2022.
Min-naħa tal-Gvern, jidher li l-emfasi m’hijiex essaċċ fuq l-infrastruttura għaċ-ċiklisti, iżda minflok, l-emfasi fuq iċ-ċiklisti isir aktar permezz ta’ skemi finanzjarji. Il-Gvern joffri grant ta’ darba fuq ix-xiri ta’ rota tradizzjonali jew rota ‘pedelic’; rota li jkolla mutur tal-elettriku sabiex jassisti lis-sewwieq waqt li jaqdef. Il-grant tagħti lura 15.25% tal-prezz li bih inxtrat ir-rota. L-istess grant hija limitata li tagħti mhux iktar minn €85 fuq roti tradizzjonal, iġifieri dawk mingħajr mutur elettriku, u massimu ta’ €250 fuq roti muturizzati.
Skema simili hija offruta lill-kumaniji li joffru servizz ta’ kiri tar-roti li ukoll jingħataw lura 15.25% tal-prezz tar-roti mixtrija, b’massimu ta’ €85 kull rota tradizzjonali u €250 għal-roti pedelec. L-ammont massimu li kumpanija tista’ tibbenifika hija ta’ €7,500.