Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar li ntemm il-proġett ta’ rinnovazzjoni tal-Prijorat ta' Navarra li sar b’investiment ta’ €1.7 miljun. Is-Sala Isouard ġiet rronivata u għandha spazju ġdid għal laqgħat u se tintuża għal konferenzi u kunċerti żgħar.
Il-Ministru Bonnici li kien akkumpanjat miċ-Chairperson ta’ Teatru Manoel Dr Michael Grech, l-Aġent Kap Eżekuttiv Edward Zammit u d-Direttur Artistiku Adrian Mamo qal li t-tlestija ta’ dan il-proġett huwa pass ‘il quddiem għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali u l-promozzjoni tal-arti.
Bonnici qal li dan il-proġett “juri l-impenn li għandna fit-titjib ta’ spazji kulturali”, filwaqt li jagħti “esperjenza aħjar lill-poplu Malti u lit-turisti”. Il-Ministru ħabbar ukoll li se tiġi installata sistema ta’ lift li twassal għas-sulari kollha, b’hekk it-teatru huwa aċċessibli għal kulħadd għall-ewwel darba fl-istorja tat-teatru f’Malta.
Min-naħa tiegħu, Grech qal li se tibqa’ għaddejja ħidma estensiva biex jitkompli jitjieb l-operat tat-Teatru u b’hekk titjieb l-esperjenza tal-pubbliku. Zammit qal li b’dan il-proġett se joffru esperjenza teatrali unika għax jistgħu jsiru avvenimenti fis-sala l-ġdida li jistgħu jrendu iktar dħul, li imbagħad jista’ jiġi nvestit lura fil-programm artistiku.
Il-ftuħ tal-Prijorat rinnovat se jaħbat mat-tendija tal-istaġun artistiku 2023/2024 tat-teatru. Mamo qal “Dan l-istaġun qed naħdmu biex inkomplu nżidu l-valur artistiku u ntejbu l-livell tal-produzzjonijiet tagħna” hekk kif se jintwerew wirjiet ta’ musicals bħal Grease, 26 produzzjoni oriġinali minn TOI TOI u pantomini tal-Milied fost oħrajn. Kif ukoll, kollaborazzjonijiet ma’ għaqdiet bħal ŻiguŻajg u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u ħafna aktar.