Il-Pulizija ta’ Malta qiegħdin jaħdmu flimkien mal-Interpol fuq każ ta’ tabib Malti li safa mitluf f’Cape Town fl-Afrika t’Isfel waqt li kien qiegħed jattendi seminar mediku.
Stefano Corso, tabib ta’ 29 sena, għeb nhar l-Erbgħa hekk kif ma rritornax lura fil-kamra tal-konferenzi wara li mar mixja. Sorsi qalu li il-pulizija ta’ Cape Town talbu għall-għajnuna mill-pubbliku biex jippruvaw isolvu dan il-misteru.
Inħareġ rapport ta’ persuni nieqsa minn Missing Children fl-Afrika t’Isfel. Skont rapporti tal-midja, l-aħħar li deher it-tabib kien l-Erbgħa madwar 3.30 ta’ wara nofsinhar, waqt seminar li kien qed jattendi f’Paarden Island.
L-ispokesperson tal-pulizija ta’ Cape Town, Frederick van Wyk qal lill-midja li Corso ħareġ mill-kamra tal-konferenzi biex jirrispondi telefonata iżda dan qatt ma reġa’ lura.
Malli sħabu indunaw li Corso ma rritornax, pruvaw jikkuntatjawh iżda kollu kien għalxejn. Il-kollegi fetħu rapport għand il-Preċint ta’ Maitland.
L-awtoritajiet tal-Afrika t’Isfel taw deskrizzjoni ta’ xkien liebes qabel ma għeb. Kien liebes qalziet ta’ kulur beige, t-shirt abjad u ġakketta sewda.
Sorsi qrib il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ikkonfermaw li is-servizzi diplomatiċi ġew ikkuntatjati kmieni l-Ħamis minn persuna Maltija li kienet qed takkumpanja lit-tabib Corso f’Cape Town. Il-familja tiegħu ġiet ikkuntatjata wkoll hekk kif il-pulizija qiegħdin jaħdmu flimkien mal-Interpol f’din l-investigazzjoni.