Servizz ġdid fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo (SAMOC) ta’ kimoterapija ambulatorja li se jippermettinumru ta’ pazjenti li jieħdu kimoterapija partikolari fuq medda ta’ jumejn jibdew jagħmlu dan mir-residenza privata tagħhom.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li permezz ta’ dan is-servizz ambulatorju, pazjenti li jirrikjedu kimoterapija kull ħmistax għal sitt xhur, minflok iqattgħu 48 siegħa ta’ kimoterapija se jibdew iqattgħu ftit sigħat l-Isptar biss.
Fearne qal li l-ewwel pazjenti li se jagħmlu użu mis-servizz ġew magħżula mit-tim kliminu ta’ SAMOC. Se jingħata taħriġ u appoġġ kontinwu lil dawn il-pazjenti sabiex iħossuhom siguri jirċievu l-kura barra mill-isptar stqarr Fearne.
Fix-xhur li ġejjin huwa stmat li se jingħata 144 ċiklu ta’ kimoterapija f’residenzi ta’ pazjenti.
Wara li awgura lit-tim mediku tal-ħidma tagħhom sabiex twaqqaf dan is-servizz, Fearne saħaq li dan se jkun estiż għall-aktar pazjenti.
Din kienet it-tieni inizjattiva mħabbra din il-ġimgħa fil-qasam tal-Onkoloġija, wara l-introduzzjonijiet tat-test Oncotype-DX li se jgħin lit-tim mediku ta’ pazjenti li jbatu minn kanċer tas-sider sabiex jiddetermina hemmx bżonn kimoterapija jew trattament speċifiku biex il-kanċer ma jinfirixx.
Fearne qal li “Dan huwa xhieda ta’ kif l-investiment fil-qasam tal-onkoloġija huwa kontinwu” u li se jibqa’ joffri “l-aqwa kura lill-pazjenti tagħna anke permezz tal-professjonisti eċċellenti tagħna”.