Installat pillar tad-dawl u l-ilma fil-port tal-Ġnejna

Installati faċilitajiet tal-elettriku u l-ilma fil-Ġnejna hekk kif ikompli l-investiment fil-portijiet għas-sajjieda Maltin 

Alicia Bugeja Said żaret il-port tal-Ġnejna fejn is-sajjieda għandhom aċċess għad-dawl u għal-ilma
Alicia Bugeja Said żaret il-port tal-Ġnejna fejn is-sajjieda għandhom aċċess għad-dawl u għal-ilma

Għadu kif ġie installat pillar tad-dawl u l-ilma mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura, li ser ikun qiegħed iservi ta’ faċilità importanti għas-sajjieda tal-port tal-Ġnejna. 

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said żaret il-port li jilqa’ fih 39 sajjied professjonali kif ukoll 138 sajjied fuq bażi rikreazzjonali.

Dan l-apparat huwa parti mill-investiment ta’ nofs miljun ewro, li ġie mniedi mill-Gvern iktar kmieni din is-sena, bil-għan li jiffaċilita ħajjet is-sajjieda Maltin u jipprovdi aċċessibbiltà.

Sajjieda preżenti waqt iż-żjara spjegaw kif kull meta jkollhom bżonn iwettqu tiswijiet żgħar fuq id-dgħajjes tagħhom, kien ikollhom jinvestu f’alternattivi bħal generators. Fl-istess ħin, biex jaħslu l-ħut, dawn kienu jġorru tankijiet bl-ilma. Għalhekk, dawn il-faċilitajiet ġodda huma attrezzati sabiex jiffaċilitaw ħajjet is-sajjieda u huma disponibbli għall-użu ta’ kuljum.

Numru ta’ ħut li jinqabdu minn dan il-port jinżlu direttament Il-Pixkerija, filwaqt li ammont ieħor jinbiegħ direttament mis-sajjieda.

Bugeja Said fakret li dan l-investiment qed isir f’portijiet oħra hekk kif ix-xogħol ġewwa portijiet bħal Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar, l-Għadira u l-Mellieħa jinsabu fl-aħħar fażi tagħhom. 

Bugeja Said qalet li dan it-tip ta’ investiment huwa importanti u kif il-pilastri jistgħu jintużaw primarjament mis-sajjieda reġistrati mad-Dipartiment, permezz ta' ċippa elettronika li tiġi provduta mid-Dipartiment stess. Hija kompliet tistqarr li investimenti bħal dawn “huma konferma ta’ kemm il-Gvern jisma’ u jifhem il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tas-sajjieda tagħna” u kif inhu lest li “jimxi spalla ma’ spalla ma’ kull wieħed u waħda minnhom”.

More in Socjali