Tat-Tindif jirċievu ‘l fuq minn 7,500 ilment ta' skart
Ramon Deguara, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, spjega l-ħidma tad-Dipartiment u kif wieħed jista’ jħalli lment fuq l-applikazzjoni Clean and Upkeep
minn Luigi Sghendo
Sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, daħlu ’l fuq minn 7,500 ilment fuq l-applikazzjoni tad-Dipartiment għat-Tindif u l-Manutenzjoni. Qal dan id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjon hekk kif innota li din l-applikazzjoni qed iżżid l-effiċjenza tal-ħaddiema.
“Meta se nibdew inħobbu fejn ngħixu, meta se nibdew inkunu kburin b’pajjiżna?” Kien permezz ta’ dan il-kliem fuq Facebook li l-Cleansing and Maintanance Division niggżet il-kuxjenza ta’ dawk li jħammġu l-pajjiż.
Id-Dipartiment kien ħabbar l-applikazzjoni Clean and Upkeep u li fiha, persuni jistgħu jħallu lmenti u suġġerimenti b’mod anonimu. Dan jistgħu jagħmluh billi jieħdu ritratt u jagħtu permess biex tiġi rreġistrata l-geolocation tal-ilment.
Id-Direttur Ġenerali qal li x-xitwa dalwaqt magħna. Għalhekk id-dmirijiet u l-bżonnijiet jinbidlu xi ftit mix-xhur tas-sajf. Matul ix-xhur tas-sajf ikun hemm ħafna postijiet turistiċi b’influss ta’ nies fihom, speċjalment il-bajjiet. Kien għalhekk li d-Dipartiment kien investa f’Sand Sifters kif ukoll żdiedet il-frekwenza ta’ kemm-il darba jitbattlu l-bins fost oħrajn.
Barra minn hekk, l-istess Dipartiment jieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-għamara tal-baħar, bħal slielem, bins, railings, eċċ. Jassigura li dawn jitwaħħlu qabel ix-xhur tas-sajf u jitneħħew għal Ottubru biex tkun tista’ ssirilhom il-manutenzjoni li jkun hemm bżonn. B’differenza mis-sajf, Deguara qal li fix-xitwa, ġeneralment isir sforz kbir biex jitnaddfu l-kanali tal-ilma minħabba x-xita.
Meta mistoqsi fuq jekk għandux isir iktar infurzar rigward ir-rimi ta’ skart illegali, huwa fakkar fis-servizzi tal-bulky refuse offruti mid-Diviżjoni u mill-Kunsill Lokali bla ħlas, iżda xorta waħda ssib persuni li jibqgħu jarmu b’mod illegali. Dan minbarra s-‘civic amenity sites’ li huma propju għal rimi ta’ skart goff.
Iżda lil hinn minn dawn is-servizzi offruti b’xejn, Deguara qal li din il-problema qed tiġi indirizzata, kemm permezz tal-edukazzjoni, kif ukoll bl-installar ta’ numru ta’ CCTV cameras li skontu “naqqset il-problema ta’ rimi ta’ skart illegali speċjalment tal-kostruzzjoni minn postijiet iktar imwarrba.”
Deguara spjega kif kull lokalità għandha l-bżonnijiet differenti tagħha, influwenzati minn fatturi differenti fosthom il-popolazzjoni tal-lokal. Huwa semma lil San Pawl il-Baħar, Paceville u Tas-Sliema bħala l-ikbar sfida ta’ tindif u manutenzjoni. Bla dubju l-ikbar raġuni tkun minħabba l-ammont ta’ persuni li jżuru din il-lokalità.
Sabiex jitjieb is-servizz offrut minn dan id-Dipartiment, Deguara qal li din is-sena saru numru ta’ investimenti f’apparat teknoloġiku, bl-għan li tiżdied l-effiċjenza bl-għajnuna tat-teknoloġija. Fost l-investimenti li saru, id-Dipartiment akkwista numru ta’ electric pedestrian sweepers, vetturi żgħar li jiġbdu l-ħmieġ, kif ukoll compaction litter bins, li huma bins speċjali li jgħaffġu l-iskart mormi filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-enerġija rinovabbli tax-xemx.
Deguara spjega li l-liġi tagħmel distinzjoni bejn żoni madwar Malta li huma responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali u dawk tal-Gvern Lokali, iżda qal li d-Diviżjoni xorta waħda tipprovdi għajnuna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tindif u manutenzjoni lill-Kunsilli Lokali kollha madwar il-pajjiż, bl-għan li tissebbaħ id-dehra inġenerali ta’ pajjiżna.
Fil-preżent, id-Diviżjoni tħaddem madwar 620 persuna li huma mqassmin f’sezzjonijiet differenti. Dawn huma: is-sezzjoni tat-tindif tat-toroq arterjali, is-sezzjoni tal-manutenzjoni, ta’ tindif ta’ żoni turistici u latrini pubbliċi, is-sezzjoni tat-tindif tal-kanali tal-ilma, is-sezzjoni tat-tindif tal-bajjiet, is-sezzjoni tat-trasport li tassisti s-sezzjonijiet kollha b’makkinarju neċessarju biex isiru x-xogħlijiet.
Barra minn hekk, id-Diviżjoni tieħu ħsieb li tneħħi kull xorta ta’ rimi ta’ skart mormi b’mod illegali. Tieħu ħsieb ukoll it-tindif ta’ emerġenza li jista’ jinqala fit-toroq tagħna, fosthom it-tneħħija ta’ annimali mejta, ta’ materjal mit-toroq wara ħabtiet jew maltempati.