Ġie ffirmat ftehim bejn il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) se jpoġġi fiċ-ċentru żewġ setturi importanti għal pajjiżna, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, b’rabta ma’ taħriġ li se jingħataw l-istudenti.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, li ppresedew l-iffirmar tal-ftehim saħħqu li dan il-ftehim huwa importanti għaliex qed ikompli jippromwovi r-riċerka.
Tanti saħaq li “Il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti bis-sħiħ fir-riċerka u l-innovazzjoni biex joħloq niċeċ ekonomiċi ġodda għall-pajjiż.”
Min-naħa tiegħu Grima sostna li “qed ninvestu fl-istudenti biex ikomplu jeċċellaw fit-tagħlim tagħhom, itejbu l-ħiliet u jkomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom. Qed naraw ukoll li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn l-entitajiet kollha biex nagħtu importanza lir-riċerka, f’dan il-każ f’suġġett tant importanti għal pajjiżna, ix-Xjenza.”
Tanti kompla jgħid li dan jidher ċar meta l-Gvern investa għall-ewwel darba €800,000 fir-riċerka dwar il-kanċer f’Malta u qal li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni “huwa prova tal-viżjoni fit-tul li għandu l-Gvern, hekk kif il-frott tiegħu mhuwiex wieħed momentarju imma se nesperjenzawh ukoll fis-snin li ġejjin, bl-għan aħħari li ntejbu l-kwalità ta’ ħajja tan-nies.”
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Tonio Portughese, qal li dan il-ftehim se jsaħħaħ l-kollaborazzjoni flimkien mal-MCAST. “Permezz tal-Esplora u l-MCST se nkunu qed nipprovdu lill-istudenti tal-MCAST esperjenzi ta’ xogħol filwaqt li nsaħħu l-koordinazzjoni ta’ bejnietna, l-ippjanar u t-twettiq tal-inizjattivi fil-qasam tal-komunikazzjoni tax-xjenza” temm jgħid Portughese.
Mill-banda l-oħra, id-Deputat Prinċipal għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Tatjna Chircop qalet li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni il-Kulleġġ se jkompli jagħti s-sehem tiegħu biex jisaħħaħu l-inizjattivi li jippromwovu x-xjenza u r-riċerka kif ukoll l-istudenti tal-MCAST se jkunu jistgħu jagħtu sehemhom filwaqt li jitgħallmu u jesperjenzaw id-dinja tax-xogħol.