Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar it-tempji megalitiċi tal-Ġgantija hekk kif l-ġimgħa li għaddiet ħarġet l-aħbar li se jsir żvilupp ta’ bini f'żona tant importanti għall-istorja ta’ pajjiżna.
Grech saħaq li dan il-permess skandaluż huwa konferma oħra li l-Awtorità tal-Ippjanar saret Dipartiment tal-Permessi bla kawtela filwaqt li s-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali ġiet imdgħajfa mill-Gvern f’dawn l-aħħar għaxar snin.
Grech sostna li l-Gvern ta’ Robert Abela kif ukoll l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa immedjatament u jeliminaw kull riskju li jista’ jkun ikkawżat minn kull tip ta’ żvilupp f’din iż-żona mħarsa mill-UNESCO. “Dan għandu jsir ukoll biex dan il-wirt ikun jista' jitgawda bi sħiħ bħala sit ta’ wirt nazzjonali.”
Grech fakkar dak li qal l-International Council on Monuments and Sites (ICOMOS) illi saħaq li l-Gvern għandu jġib l-interess pubbliku u l-wirt nazzjonali qabel l-interess privat – għaliex żvilupp bħal dan kapaċi jkollu riperkussjonijiet mill-aktar serji.
Dan sostnih il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul żjara fiz-zona tat-tempji megalitiċi tal-Ġgantija. Din iż-żjara saret fid-dawl li l-ġimgħa li għaddiet ħarġet l-aħbar li se jsir żvilupp ta’ bini f'żona tant importanti għall-istorja ta’ pajjiżna u li saħansitra hija imħarsa mill-UNESCO.
“Il-Ġgantija u siti oħra li jitqiesu bħala wirt dinji huma importanti ħafna għal pajjiżna u għalhekk irridu nagħmlu minn kollox biex dawn ma jintilfux minħabba nuqqas ta’ azzjoni minn min huwa obbligat li jipproteġi dawn is-siti.”
Għal din iż-żjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mid-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg, Chris Said, Julie Zahra kif ukoll Stanley Zammit.