Studju dwar il-futur tal-iskejjel tal-Knisja f’Malta u Għawdex
DISCERN f’kollaborazzjoni ma’ assoċċjazzjonijiet reliġjużi wettqet riċerka sabiex tinżamm l-identità Nisranija fl-iskejjel
More in Socjali
DISCERN f’kollaborazzjoni ma’ assoċċjazzjonijiet reliġjużi wettqet riċerka sabiex tinżamm l-identità Nisranija fl-iskejjel
Saret riċerka fost l-iskejjel tal-Knisja f’Malta u Għawdex bħala parti mill-proġett “The Valued Contribution of Lay and Religious in Church Schools” imexxija minn DISCERN b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Superjuri Maġġuri Reliġjużi (KSMR), s‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja.
Ir-riċerka saret permezz ta’ semi-interviews ma’ 12-il Provinċja, 7 Retturi/Diretturi u 32 Kapijiet ta’ Skola. Għalkemm in-numru ta’ parteċipazzjoni kien għoli, 6 Provinċji u 14-il Kap ta’ Skola ma ħadux sehem fir-riċerka.
Ir‑riżultati ġew preżentati lill‑Arċisqof Charles Scicluna u lill‑Isqof Anton Teuma waqt seminar fejn iddiskutew tliet proposti ta’ azzjonijiet:
Li tkun ċċarata u msaħħa l‑identità ta’ skola tal‑Knisja f’Malta u Għawdex;
Il‑formazzjoni komprensiva tal‑impjegati;
U t‑tisħiħ tal‑istrutturi ta’ governanza fejn meħtieġ.
Mir-riċerka li saret irriżulta li huwa essenzjali li tinżamm l-identità Nisranija minsuġa ma’ kongregazzjonijiet, filwaqt li tissaħħaħ il-formazzjoni Nisranija li tingħata lill-istudenti, ġenituri u staff.
L‑ewwel fażi tal‑proċess li qed jagħmlu l-assoċċjazzjonijiet huwa bl-għan li jaraw x’inhi t‑triq ’il quddiem għall‑iskejjel tal‑Knisja, li jammontaw għal 17,000 student.
Matul is-snin, saċerdoti, sorijiet u lajċi kienu instrumentali biex jsawwru l-qasam edukattiv tal-pajjiż, madanakollu n-nuqqas ta’ vokazzjonijiet jesiġi li jsir investiment ikbar fil-lajċi kemm bħala mexxejja ta’ skejjel u bħala edukaturi.
Ir-riċerka turi li l-iskejjel tal-Knisja baqgħu mexjin ‘il quddiem minkejja l-isfidi li qed tesperjenza s-soċjetà kontemporanja.
L-Arċisqof Scicluna qal li x‑xewqa tiegħu għall‑iskejjel tal‑Knisja hi li filwaqt li jkomplu jżommu saqajhom mal‑art u b’responsabbiltà kbira jaħdmu flimkien għall‑ġid tal‑komunità. Min-naħa l-oħra l‑Isqof Teuma sostna li i proprju minħabba s‑soċjetà sekulari u multikulturali li qed ngħixu fiha, kull skola tal‑Knisja għandha tagħraf x’inhuma l‑objettivi li jiżguraw li l‑iskola tkompli tħaddan u tippromwovi l‑identità Kattolika tagħha.
Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija, l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja u l‑Kunsill Superjuri Maġġuri Reliġjużi jibqgħu jaħdmu flimkien biex jitfasslu pjanijiet ta’ azzjoni għall‑proposti dwar l‑identità tal‑iskejjel tal‑Knisja, il‑formazzjoni lill‑impjegati kollha u l‑istrutturi ta’ governanza tal‑iskejjel tal‑Knisja f’Malta u Għawdex.