Il-politika tal-partit kapitlu magħluq; il-kapitlu tal-politika tan-nies għadu ħaj
Elaine Camilleri tkellmet mal-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca dwar l-involviment tagħha fis-settur soċjali tas-soċjetà Maltija. Tul il-kariga tagħha, l-Eks President ta’ Malta, Coleiro Preca tat sehemha fis-soċjetà Maltija speċjalment fid-dedikazzjoni tagħha li tgħin lil dawk iż-żgħażagħ vulnerabbli li jkunu qed jesperjenzaw xi diffikultajiet
minn Elaine Camilleri
X’kien li tkompli taħdem f’dan il-kamp?
Jien anke fil-ħajja l-oħra tiegħi, meta ta’ 16-il sena mxejt mill-ħajja kattolika għall-politika, kont diġà involuta f’dan il-kamp. Għamilt din l-għażla b’għajnejja miftuħa. Sadanittant għandi din il- ‘mission statement’ ta’ ħajti li sakemm il-Mulej isellfni l-enerġija, m’għandix naħli ħajti. Mhux kulħadd jaħsibha bħali, imma jien din hija l-missjoni tiegħi. Ħafna jgħiduli kif ma rtirajtx? Jiena poeple-centred ħafna u t-tfal huma fil-qalba ta’ dak kollu li nemmen fir-rigward tas-socjetà tagħna. Għalhekk dawn huma l-oqsma li jien dejjem ħdimt fihom. Minn ċkuniti, ta’ 13-il sena kont niġbor ħafna tfal ġo Ħal Qormi. Meta dawk iż-żminijiet lanqas kienet għadha teżisti l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda tad-Drittijiet tat-Tfal – fejn il-parteċipazzjoni hija mnaqqxa fl-artiklu 12 tagħha – jien kont diġà bl-idea ta’ parteċipazzjoni. Forsi għax kont tfal jien stess, u forsi anke għaliex ġejja minn sfond fejn missieri kellu fiduċja fil-kompetenza tagħna. Aħna niltaqgħu erba’ bniet u tellagħna f’fehma u fi spazju ta’ fejn aħna għandha nikkontribwixxu. Missieri kien għalliem u kien jgħin lil tfal ġejjin minn familji żvantaġġati u kien jgħin f’xogħol edukattiv bla ħlas. Id-dar tagħna kienet tkun dejjem mimlija bit-tfal. Il-bniedem huwa prodott dejjem ta’ dak li jara, prodott tal-mudelli li jkollu f’ħajtu.
Tista’ tgħid liema xogħlijiet/inizjattivi inti l-iktar kburija bihom tul il-ħidma tiegħek fil-kamp tal-NGOs?
Dak kollu li nagħmel nipprova nagħmlu b’ħafna mħabba jiġifieri diffiċli tagħżel, imma żgur fejn jidħlu tfal u żgħażagħ, speċjalment dawk li huma ġejjin minn ambjent ta’ inugwaljanza u esklużjoni. Imma naħseb waħda mill-affarijiet li ngħid b’ċerta entużjażmu huwa l-manifest tat-tfal. Manifest li tnieda mit-tfal stess għall-pubbliku f’Novembru 2021, propju fil-ġurnata Internazzjonali tad-Drittijiet tat-Tfal qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022. Dan ma sarx minn xi ħadd li poġġa bilqiegħda u qagħad jiktbu imma dan huwa riżultat ta’ proċessi ta’ parteċipazzjoni li l-Malta Foundation for the Wellbeing of Society kienet ilha tagħmel fuq numru ta’ snin. Fih hemm l-aspirazzjonijiet miġbura ta’ wieħed minn kull ħamest itfal li jgħixu f’dawn il-gżejjer li b’xi mod poġġew magħna u tkellimna magħhom u minnu ħarġu dawn l-aspirazzjonijiet u nġabru f’manifest tat-tfal. Dan l-istess manifest huwa sostnut b’riċerka akkademika, għal kull 99 proposta li hemm f’dan il-manifest hemm riċerka li ġiet imfittxija mill-Fakultà tas-Social Wellbeing tal-Università ta’ Malta. M’għandniex biss parteċipazzjoni qawwija min-naħa tat-tfal iżda għandna wkoll is-sostenn akkademiku. Min jaħseb li t-tfal m’għandhomx perspettiva u jgħid ‘u iva, dawn tfal’ , dan il-manifest jikkontradixxi din il-perspettiva għax li qed jgħidu t-tfal huwa veru u sostnut minn riċerka akkademika li tgħid l-istess affarijiet.
Ovvjament, għandha iktar proġetti. Wieħed riċenti fl-2021 huwa ċ-Ċentru għall-Mużika u l-Arti għal tfal b’diżabilità fiċ-Ċentru ta’ Villa Bianca. Kull proġett li għandha l-Malta Trust Foundation fejn jittratta t-tfal huwa għal qalbi.
The Emanuele Cancer Research Foundation Malta – tista’ tagħtina spunt fuq x’inhu l-iskop ta’ din il-fondazzjoni u x’inhu jsir bħalissa? Aktar u aktar għax hemm NGOs oħra jaħdmu f’dan il-qasam?
Isimha magħha, riċerka dwar il-kanċer. Din hija inizjattiva li ħadet il-Malta Trust Foundation f’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta u l-fondazzjoni Taljana Fondazione Terzo Pilastro Internazionale. Din tagħti fondi għall-research grants, iżda mhux biss. Din il-fondazzjoni kienet katalista għal-laboratorji tal-Università fejn ipprovdiet €2.5 miljun f’apparat biex ir-riċerkaturi jkollhom fejn jaħdmu u biex jaħdmu. Sal-lum investejna sa €1.2 miljun f’research grants. Bħalissa l-Università ta’ Malta bis-saħħa tal-ECRF hemm tliet proġett kbar ta’ riċerka dwar il-kanċer.
Hemm proġetti maħsuba anke ta’ edukazzjoni fuq prevenzjoni u programm ta’ edukazzjoni.
ECRF hija membru u tikkollabora ma’ organizzazzjonjiet fuq livell Ewropew pereżempju l-European Cancer Leagues u qiegħda f’xi żewġ organizzazzjonijet oħra.
Tapprezza li hemm kwistjonijiet bl-integrazzjoni tal-immigranti? X’għandu jsir iktar f’dan il-qasam?
Bla dubju ta’ xejn. Inħarsu lejn l-immigrant bħala ‘l-ieħor’, jew kif ngħidu bl-Ingliż ‘the other’, imma l-integrazzjoni ma ssirx waħidha. Dan bħalma ġralhom il-Maltin meta emigraw l-Awstralja, ma marrux hemm u integraw mil-lum għal għada. Illum nistgħu ngħidu li dawn integraw. Mill-esperjenza li kelli fl-Awstralja hemm ħafna Maltin li issa għandhom tfal u tfal tat-tfal, li kienu jgħiduli li jinkwetaw għax dawn iħossuhom Awstraljani; jien kont ngħidilhom biex jieħdu gost la hekk xtaqu. Tifel li għadu jibda d-dinja u qed iħossu li hawnhekk mhux pajjiżu, mhux se jimxu ’l quddiem u jagħmel l-avvanzi li hemm bżonn.
L-integrazzjoni ma ssirx waħidha u jrid ikollha pjan ta’ azzjoni. L-integrazzjoni trid tkun maħsuba, u mhux overarching biss jew politika iżda jrid ikollha wkoll niċeċ partikolari. Aħna rridu nammettu li aħna soċjetà multikulturali bħal kumplament tad-dinja. Dan stat ta’ fatt. Jekk se noqogħdu naħsbu li aħna differenti, m’aħniex inħarsu lejn ir-realtà. Jiġifieri l-integrazzjoni jrid ikollha pjan u rridu nifhmu xi tfisser il-kelma integrazzjoni.
L-integrazzjoni hija li wieħed jirrispetta lill-ieħor u mhux tiddetta x’għandu jagħmel wieħed. Però rridu wkoll nirrispettaw il-liġi ta’ pajjiż. Filwaqt li l-integrazzjoni tfisser li jien nirrispettak kif int, u int tirrispettani kif jien. Meta niġu fuq livell ta’ pajjiż, int u jien irridu nirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż.
Jekk m’aħniex se nedukaw u ninfurmaw fuq il-liġijiet tal-pajjiż u tradizzjonijiet, se jibqa’ dawk il-vuċijiet li jinqdew bil-biża’ biex ibeżżgħu u jniżżlu l-injoranza. Fl-aħħar mill-aħħar jekk int ma tkunx infurmat tkun qed taġixxi ta’ persuna li għandha nuqqas ta’ għarfien.
Aħna nassumu li ċerti pajjiżi għandhom l-istess kultura, imma dan mhux minnu. Jekk inħarsu lejn Malta wkoll naraw differenzi bejn ċerti tradizzjonijiet, u anke jekk inħarsu lejn il-lingwa. Malta tħaddan 17-il djalett differenti. Id-djaletti mhux kultura wkoll? Dawn ġejjin mill-wirt tagħna. Ma nistgħux inħarsu lejn persuna u nassumu li ġej minn ċerta kultura. Għalhekk irridu pjan ta’ azzjoni u niffukaw u nifhmu li hemm differenzi bejn il-pajjiżi.
Aħna irridu nitgħallmu l-kultura tagħhom u nintervjenu kmieni sabiex ngħarrfuhom fuq x’tip ta’ kultura nħaddnu aħna u huma jgħarrfuna fuq il-kultura tagħhom. Mhux kull kultura taħdem l-istess. Għalhekk hemm bżonn li jkun hemm għarfien sabiex ma jitbegħdux mis-soċjetà.
L-għarfien għandu jasal fuq livelli, u anke fl-iskejjel. It-tfal lili jimpressjonawni. Is-sajf li għadda l-Malta Foundation for the Wellbeing of Society għamlet proċess mat-tfal ta’ età bikrija dwar differenzi u skoprejna li t-tfal ma jarawx differenza. Iżda, meta jibdew jitfarfru naturalment jibdew jisimgħu il-fehmiet tal-kbar u nibdew ninfluwenzawhom. Irridu nkomplu naħdmu fuqha ħalli kemm jista’ jkun intaffuha u tingħata l-edukazzjoni, anke lill-ġenituri. Ma nistgħux ngħoddsu rasna fir-ramel għax imkien fid-dinja mhu ħa ssib kultura waħda. Jien dort ħafna pajjiżi u dejjem sibt il-Maltin. Mela bħalma aħna nistgħu mmorru pajjiż ieħor, ħaddieħor jista’ wkoll.
Għandek ħafna immigranti li qed jaħarbu l-gwerer u l-persekuzzjoni bħal pereżempju xi ħadd omosesswali għax il-kultura ta’ dak il-pajjiż ma taċċettax individwi bħala parti mill-komunità. Allura dawn għandhom jitħallew hemm biex jiġu ttorturati?
Il-Maltin huma preokkupati bil-barranin, u l-politiċi għandhom double standards meta jitkellmu fuq il-barranin f’pajjiżna. X’tikkummenta?
Jien inħares ’il bogħod minn hekk. L-iktar importanti hu li jrid ikollna pjan li nafu x’se jkollna bżonn. Aħna nafu li kieku kellhom jitilqu l-barranin issa minn pajjiżna nistgħu nagħlqu l-isptarijiet tagħna, id-djar tal-anzjani u tad-diżabilità, l-industrija tal-ospitalità u tal-kostruzzjoni u anke l-iscammel li jiġi jiġbrilna ż-żibel. Dawn huma ftit oqsma li fihom ħafna ħaddiema barranin. Qabel kollox irridu pjan, x’inhi l-istrateġija ta’ dan il-pajjiż u kif nistgħu nimxu ’l quddiem. Imbagħad, la darba jkollna pjan irridu nerġgħu nistaqsu u nidħlu fis-setturi li għandna bżonn sabiex inkunu nafu x’hemm bżonn.
Għandna spazji fl-iskejjel biex nakkomodaw lil dawk it-tfal tal-ħaddiema barranin? San Pawl il-Baħar kellu l-ikbar skola, inbniet oħra fil-Qawra sabiex jinqasam il-piż. Illum tal-Qawra hija l-ikbar skola.
Għandu jkun hemm pjan li jħares b’mod ħolistiku lejn il-bżonnijiet tal-pajjiż u dwar l-ippjanar, jekk se nikbru, u b’liema mod se nikbru.
Xogħol tal-prekarjat qatt m’għandu jkun. Dawk li se jiġu jaħdmu hawn għandhom jitħallsu bħalna għaliex kulħadd għandu l-istess drittijiet quddiem id-Dikjarazzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn huma nies li qed jikkontribwixxu b’mod soċjo-ekonomiku għas-soċjetà tagħna u għandna napprezzawhom.
Fl-opinjoni tiegħek, x'inhuma l-isfidi li tara fis-soċjetà tal-lum u liema hija l-iktar sitwazzjoni soċjali li hemm bżonn tiġi indirizzata fis-soċjetà Maltija?
Dan l-aħħar kien hemm żewġ statistiċi li inkwetawni. Wieħed juri li aħna ġejna kklassifikati bħala l-iktar pajjiż irrabjat fl-Ewropa. U t-tieni statistika turi li 70% taż-żgħażagħ Maltin iridu jitilqu minn Malta.
X’inhi r-raġuni? Hemm min ikun irid jitlaq biex iġib l-esperjenza mbagħad jerġa’ lura Malta, imma dawn is-70% lanqas jikkontemplaw jerġgħu jiġu ’l hawn.
Jien nemmen li rridu nindagaw għalfejn u x’inhuma r-raġunijiet. Jekk huma raġunijiet li se jagħtuhom iktar sens f’ħajjithom, tajjeb, imma fir-riċerka rriżulta li jridu jitilqu għax Malta għejjiethom. Għejjiethom fiex?
Hemm bżonn iktar indaġni biex nifhmu l-għaliex. La darba jitilqu ż-żgħażagħ, bir-raġuni iktar li nġibu ħaddiema barranin għax Malta tispiċċa biss bil-ġenerazzjoni l-kbira. Dan huwa ċiklu. U dawn it-temi jinkwetawni. Hija wġigħ ta’ qalb mhux għall-familja imma anke għall-pajjiż stess. Il-pajjiż qiegħed jinvesti fl-edukazzjoni biex ikollna professjonisti, imbagħad dan l-investiment li għamel il-pajjiż ma nieħdu xejn minnu għaliex it-tfal marru xi mkien ieħor.
It-tieni statistika hija li aħna rrabjati. Għaliex aħna rrabjati? Dik hi l-mistoqsija, għax jien meta niltaqa’ man-nies dejjem jgħiduli kemm ħadu gost Malta. Mat-tema tar-rabja se norbot dawn it-tfal li jingħaqdu fi gruppi u jiġġieldu u jkunu vjolenti. X’qed jurina dan il-fatt?
Konna għamilna proċess ta’ parteċipizzjoni għat-tfal fis-sajf 2021 ta’ età bikrija u rajna li dawn jinkwetaw fuq il-familja u fuq il-gwerer. Dak iż-żmien kienet għadha friska l-invażjoni fl-Ukrajna u l-pandemija. Dawn it-tfal kellhom ansjetà u kienu mbeżżgħin u inkwetati fuq l-annimali tagħhom, fuq l-imwiet. Dan għax sfortunatament kien hemm min esperjenzaha fil-pandemija. It-tfal tagħna, bejn it-3 u s-6 snin, diġà jinkwetaw, diġà hemm ċertu stress.
Dawn il-fatturi ta’ stress, ansjetà u inkwiet qegħdin jesperjenzawha tfal ta’ skejjel primarji u sekondarji wkoll li mbagħad jesprimuha fl-imġiba tagħhom. Din taraha anke fl-adulti mhux biss tfal. Il-kwistjoni tar-rabja mhi feliċi xejn u hawnhekk għandna sitwazzjonijiet soċjali li rridu narawhom.
Fuq nota personali, taħseb li xi darba tirritorna għall-ħajja politika anke fi rwol differenti?
Jien kuljum nagħmel politika, imma politika tan-nies għan-nies. Għall-politika tal-partit le, dak issa kapitlu magħluq. Nieħu gost li hemm ħafna żgħażagħ fuq spettru politiku li għandhom ħafna validità u anke biex imexxu pajjiż. Konvinta li jien posti huwa fejn jien qiegħda bħalissa, fis-settur soċjali ngħin lil dawk żvantaġġjati. Ninsab għal qalbi.