Il-politiku indipendenti Arnold Cassola qal li l-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni ħelset lill-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat li kienet iffavorixxiet lil Yorgen Fenech bil-proġett tal-Imrieħel.
Cassola staqsa għaliex il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ħasbet li huwa normali li s-segretarju parlamentari Michael Farrugia jibgħat ordnijiet lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jinkludi l-Imrieħel fost iż-żoni nominati, ftit wara li ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech f’Kastilja.
“Il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni sabet ukoll naturali u normali li Yorgen Fenech ikkomunika bil-moħbi messaġġi fuq whatsapp ma' Fredrick Azzopardi ta’ Infrastructure Malta, biex jistaqsi dwar junction fl-Imriehel... sena qabel ma Infrastructure Malta applikat għaliha u sentejn qabel il-junction kienet approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar.”
Cassola ppubblika wkoll żewġ messaġġi ta’ WhatsApp li intbagħtu bejn Fenech u Azzopardi, fejn juru li jiddiskutew il-proġett tal-Imrieħel.
Kien Cassola li ressaq ilment mal-kummissjoni dwar ir-relazzjoni mill-qrib ta’ Fenech mal-ogħla uffiċjali, inkluż Muscat, li influwenza l-politika ta’ ppjanar b’risq il-proġett tat-Tumas Quad Towers fl-Imrieħel.
L-ilment ta’ Cassola kien jirrapporta li Fenech ta xi arloġġi tad-ditta lil Muscat u flixken ta’ inbid Petrus, u saqsa lill-kumissjoni jekk dawk ir-rigali u r-relazzjoni li kellhom kinitx influwenzat id-deċiżjonijet ta’ politika.
Muscat iċċelebra d-deċiżjoni tal-kummissjoni, u sostna li “kieku d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet mod ieħor, kienet tqanqal reazzjoni iktar qawwija, daqskemm qed tiġi fomentata kontrija f’inkjesta maġisterjali – li m’għandix fidi fiha”.
Fid-deċiżjoni tal-kummissjoni, ippreseduta mill-Imħallef emeritu Lawrence Quintano, flimkien mal-Imħallef emeritu Philip Magri u l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo, il-kummissjoni qalet li ma setgħet issib l-ebda element għar-reat ta’ kummerċ fl-influwenza kontra Muscat.
L-inkjesta kontra l-korruzzjoni ħelset lill-eks ministru Michael Farrugia minn laqgħa ma’ Fenech, kważi erba’ snin wara li ntalab jinvestiga l-kwistjoni. Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni qalet li hija “sodisfatta” li t-tnejn iddiskutew Portomaso waqt laqgħa tal-2014, u mhux qed jippjanaw li jippermettu żviluppi għoljin fl-Imrieħel.