“Ir-raba’ qatt ma ġie l-ewwel, dejjem ir-raba’ ġie!” – Bidwi Għawdxi

George Carl Camilleri spjega l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-bdiewa Maltin, f’pajjiż fejn li qed jesperjenza l-perikli ta’ estinzjoni agrikola 

Il-larinġ, rummien u żebbuġ huwa fost il-ħafna frott u ħaxix li safa vittma tat-temp niexef li esperjenzajna
Il-larinġ, rummien u żebbuġ huwa fost il-ħafna frott u ħaxix li safa vittma tat-temp niexef li esperjenzajna

“Ir-raba’ dejjem ir-raba’ ġie!” Kien b’dan il-mod li l-bidwi Għawdxi George Carl Camilleri ddeskriva l-perspettiva tal-Malti fuq il-bdiewa hekk kif saħaq li l-biedja f’Malta qed tmut. 

“Kemm-il darba nkunu impressjonati u kburin meta nisimgħu li bidwi laħaq tabib jew avukat, imma kemm nisimgħu u nifirħu għal persuni li jagħżlu l-biedja?” Mistoqsija li tolqot fil-laħam il-ħaj lil kull Malti li għall-maġġoranza tal-istorja tiegħu kien iqattagħha jagħżaq, jiżra’ u jaħsad il-ħobża ta’ kuljum għal familtu u l-baruni tiegħu.  

George ġej minn familja ta’ bdiewa. Fil-fatt irrakkonta kif ix-xogħol ta’ bidwi tnaqqax fih sa minn ċkunitu, hekk kif kulma jiftakar jagħmel huwa x-xogħol ta’ bidwi. Bi kburija saħaq li dik hija l-identità tiegħu, identità li prattikament hija fil-periklu ta’ estinzjoni.  

Skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, il-popolazzjoni Maltija hija madwar 535,000. Minnhom madwar 13,000 biss jaħdmu fl-agrikultura. Dan ifisser li kważi 2.5% tal-popolazzjoni Maltija taħdem f’dan il-qasam. 

George semma kif it-temp li qed jolqot lil pajjiżna, minkejja li qed ipaxxi lit-turisti li qed iżuruna, qed iħalli ħsara u tbatija lill-bdiewa li qed jissieltu biex iżommu x-xtieli ħajjin. Huwa faħħar il-komunità tal-bdiewa u sostna li “l-bdiewa dejjem hemm għal xulxin, jgħinu ’l xulxin”.  

Iżda minkejja sforzi kbar biex jibqa’ ħaj il-prodott agrikolu Malti, George qal kif it-temp mhux biss qed iġiegħel lill-bdiewa jbattlu r-riservi tal-ilma, iżda wkoll qed iħalli l-insetti jagħmlu festa, fosthom id-dubbiena tal-frott li qed tattakka bla ħniena l-prodott Malti. Huwa qasam l-esperjenza tiegħu u qal kif diġà qed jara, fost oħrajn, il-larinġ, iż-żebbuġ, u r-rummien li qed jaqa’ mis-siġar b’mod prematur. George qal li anke s-siġar tal-bajtar tax-xewk (li huma magħrufa għar-reżiljenza tagħhom kontra l-elementi tax-xemx) ukoll qed ibatu minn dan it-temp mhux tas-soltu għax-xahar ta’ Novembru u li qed iġegħelhom jinxfu qoxqox. 

Meta mistoqsi liem prodott qed ibati l-iktar fl-isfond ta’ dan it-tibdil drastiku fit-temp, George issimpatizza mar-raħħala li qed iħokku rashom minħabba nuqqas ta’ għalf tal-bhejjem. Din il-problema ilha taffettwa r-raħħala għal bosta snin, iżda jidher li kull sena l-isfida qed tikber biex ir-raħħala jipprovdu l-ħalib li lkoll niddependu minnu għall-kollazzjon jew ma’ tazza kafè/te. Huwa kompla jgħid li kemm ilu jiftakar, dan is-sajf kien wieħed mill-aktar kiefer, u issa l-ħarifa wkoll qed tagħti dik ix-xejra.  

Iż-żejt taż-żebbuġa huwa wieħed mill-iktar prodotti li George jgħożż, tant li meta pparteċipa f’kompetizzjoni internazzjonali kontra ġganti barranin, il-familja tiegħu rebħet midalja wara li ntgħażel bħala l-aqwa żejt taż-żebbuġa ekstra verġni. Huwa qasam magħna l-weġgħa li jħoss meta konsumaturi Maltin jassumu li l-prodott għandu jkollu l-istess prezz, jekk mhux inqas miż-żejt taż-żebbuġa tas-supermarket. Iżda minkejja dan, huwa għandu t-tama li xi darba l-maġġoranza tal-poplu Malti jirrealizza l-valur u konsegwentement japprezza l-prodott Malti. Huwa ħeġġeġ lill-poplu biex ma jibżax iżur is-swieq tal-bdiewa li huma mxerrdin madwar il-pajjiż ċkejken tagħna. 

Finalment meta mistoqsi jekk jemminx li l-biedja se tmut f’pajjiżna, minkejja li għandu biża’ li se jintilef għerf profond fl-agrikultura Maltija, huwa tenna kliemu u saħaq li l-biedja hija parti mill-identità tal-proxxmu, u għalhekk qatt mhi se tmut. 

Il-kliem ta’ George fuq il-biedja Maltija u l-futur tagħha jixbah il-kliem ta’ Sammy Bartolo hekk kif qal: 

Kien staġun xott, kemm bata l-frott 
u għal ħidmieti xi prezz? 
Dawn l-aħħar jiem kont ftit għajjien 
wara l-moħriet naħdem fis-skiet 
l-aħħar bidwi f’Wied il-Għasel hu jien 

 

 

More in Socjali