Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, inawguraw Ċentru tas-Saħħa ġdid ġewwa r-Rabat li se jkun qed joffri mat-tnax-il servizz lill-pazjenti Għawdxin viċin darhom.
Dan iċ-ċentru modern huwa mifrux fuq żewġ sulari u se jkun qed isaħħaħ il-politika tal-kura tas-saħħa primarja hekk kif mill-ġranet li ġejjin se jkunu offruti numru ta’ servizzi lill-pazjenti li s’issa kienu offruti biss mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Se jkunu offruti servizzi ta’ tabib tal-familja, tat-teħid tad-demm, tat-tilqim, tal-kura tas-saqajn, tal-elettrokardjogrammi (ECG), tal-klinika tal-ACC- POC (tal-warfarina), klinika tad-dijabete, kura tal-feriti, klinika speċjalizzata għal persuni b’Down’s Syndrome u klinika għas-saħħa u l-benessere (GU clinic) fost oħrajn.
Fearne spjega li dan iċ-ċentru, li sar b’investiment ta’ fondi nazzjonali u tal-NDSF, se jingħaqad mal-katina ta’ servizzi offruti f’Għawdex mill-Kura tas-Saħħa Primarja fil-kliniċi fil-komunità tax-Xewkija, tal-Għarb u fi ftit tal-ġimgħat oħra tal-Qala.
Barra minn hekk, huwa spjega li permezz tal-investiment diġitali, kull resident f’ Malta u Għawdex jagħmel użu minn kwalunkwe Ċentru tas-Saħħa jew Klinika fil-Komunità tal-Kura tas-Saħħa Primarja peress li l-informazzjoni tal-pazjent hija diġitalizzata u għalhekk aċċessibbli minn kull klinika.
Camilleri stqarr “se nkunu qegħdin naqdu aħjar il-bżonnijiet tal-Għawdxin” wara li ftit xhur ilu kienet infetħet ftaħna klinika tal-komunità fl-Għarb Għawdex, u ftit żmien ieħor se jinfetaħ ċentru fil-Qala.
Huwa temm jgħid li “dan il-Gvern kommess li jkompli jinvesti bis-sħiħ fis-saħħa taċ-ċittadini u jagħti l-aqwa servizz u kura tas-saħħa fil-gżejjer Maltin.”
Fearne rringrazzja lill-ħaddiema tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) tal-ħidma infrastrutturali u lill-ħaddiema tal-Kura tas-Saħħa Primarja li minn għada se jibdew joperaw minn dan iċ-Ċentru.