Fi stqarrija stampa, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-vjolenza domestika għadha pjaga soċjali kbira f’pajjiżna u li għal sena oħra qiegħdin infakkru l-jum dinji għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa, hekk kif sostna li “pajjiżna għadu ma mexiex ’il quddiem f’dan il-qasam.”
Il-PN qal li preżentament hemm 2,283 każ pendenti l-Qorti relatati ma’ vjolenza domestika, li qed iwassal għal dewmien esaġerat biex in-nisa jiġu offruti xi forma ta’ protezzjoni u minflok qed ikollhom jibqgħu jgħixu fil-biża’ u f’riskju.
Il-PN fakkar il-memorja ta’ Bernice Cassar, omm ta’ żewġt itfal fejn is-sistema “li suppost jaħdmu biex omm tkun protetta, fallew [u] ħadd ma refa’ l-ebda resposabbilità għal dan il-falliment” hekk kif sena wara, Bernice għadha tistenna li ssirilha ġustizzja.
Minkejja li għaddiet liġi tal-femiċidju u li l-allegat qattiel ta’ Bernice għaddej minn proċeduri fil-Qrati, il-karba ta’ din l-omm baqgħet ma nstemgħetx, sostna l-PN.
“Il-liġijiet fuq il-karti ma jipproteġux lin-nies u lanqas ma jipprevjenu traġedji bħalma rajna fix-xhur li għaddew” għalhekk hemm bżonn sistemi effiċjenti biex jħarsu lill-vittmi li jinqabdu f’din is-sitwazzjoni.
Il-PN saħaq li f’dan il-jum dinji, li għandu jqajjem kuxjenza fuq din it-tema ta’ vjolenza domestikea, wiegħed li jkompli jaħdem u jistinka biex il-mara tkun protetta f’Malta u li l-awtoritajiet jassiguraw sistema adegwata li tieħu azzjoni immedjata la darba jidħol rapport.