Il-Ġimgħa tħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2023 waqt ċerimonja privata l-Magazino Hall fil-Belt Valletta.
Il-kotba rebbieħa ntagħżlu minn 61 finalist li kienu mqassmin f’14-il kategorija: 36 ktieb fi 8 kategorija għall-adulti u 26 ktieb f’sitt kategoriji għat-tfal u żgħażagħ (il-Premju Terramaxka).
Il-Premju Nazzjonali jittella’ kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), fejn fih jintgħażlu r-rebbieħa permezz ta’ bord ta’ aġġudikazzjoni independenti li jimxu ma’ sett ta’ kriterji u process rigoruż.
Il-prestiġju tal-Premju jinsab fis-46 edizzjoni tiegħu u l-premji jingħataw lill-ogħla kisbiet ta’ pubblikazzjonijiet letterarji u ta’ riċerka akkademika.
Waqt id-diskors tiegħu, Camilleri qal ukoll li kull rebbieħ se jingħata €1000 bħala rikonoxximent minbarra l-premju li s-soltu jingħata lill-kittieba jew illustraturi.
Dan ingħata wara li ġew rikonoxxuti l-isfidi ekonomiċi li ħabbtu wiċċhom magħhom il-pubblikaturi fl-aħħar snin. Huwa sostna li l-KNK se jkompli jaħdem biex imexxi ‘l quddiem il-letteratura Maltija.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ta messaġġ irrekordjat fejn iddeskriva liċ-ċerimonja bħala waħda importanti li tippromwovi l-kotba u l-qari.
Waqt iċ-ċerimonja ngħataw żewġ premji speċjali, wieħed ingħata lil Daniel Massa għall-kontribut siewi fil-qasam tal-kotba u l-letteratura, filwaqt li t-tieni premju għall-aħjar awtur emerġenti ngħata lil Lon Kirkop, li wkoll rebaħ il-kategorija tad-drama.