San Pawl il-Baħar reġa’ ħareġ bħala l-lokalità ewlenija għall-permessi ta’ bini approvat f’Malta, u żamm l-ogħla pożizzjoni tiegħu għat-tielet kwart konsekuttiv, skont data maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
San Pawl il-Baħar ikklassifika fl-ewwel post bl-akbar numru ta’ abitazzjonijiet ġodda approvati, fejn ġew irreġistrati 222 permess ġdid, segwit mill-Mosta (110), Birkirkara (107), Ħal Qormi (85), u Tas-Sliema (82) fl-ordni rispettiva.
Fl-isfond ta’ dan, staqsejna lis-Sindku ta’ San Pawl Alfred Grima fuq l-effett li l-kostruzzjoni qed iħalli fuq ir-residenti ta’ San Pawl il-Baħar u l-ambjent li jsawru.
Grima faħħar l-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna u r-regolamenti ġodda li jindirizzaw diversi problemi u jifhem li f’kull tip ta’ xogħol hemm element ta’ inkonvenjenza. Iżda saħaq ukoll li f’San Pawl il-Baħar “l-effetti tiegħu (kostruzzjoni) qed jimpatta negattivament il-ħajja tar-residenti.”
Dan filwaqt li staqsa “x’jiswa li ssaħħet il-leġiżlazzjoni imma fir-realtà ħafna minnu baqa’ fuq il-karta?” Mistoqsija li mhux biss tidwi f’moħħ is-Sindku imma wkoll fl-imħuħ tar-residenti ta’ San Pawl il-Baħar li josservaw l-impatti tal-kostruzzjoni fuq raħalhom, speċjalment dawk li jqisuh bħala raħal twelidhom.
Is-Sindku kien kritiku lejn l-awtoritajiet kompetenti hekk kif talabhom ma jibqgħux aktar passivi dwar ksur rampant ta’ liġijiet fosthom dwar il-ħinijiet, l-istorbju u trabijiet bla rażan.”
Barra minn hekk, huwa esprima d-dispjaċir tiegħu wara li l-Awtorità tal-Ippjanar issanzjonat xogħlijiet u approvat permessi ġodda f’art agrikola f’Burmarrad li fuqha kienu diġà twettqu diversi illegalitajiet fl-imgħoddi.
Dan sar b’referenza għall-permess f’Burmarrad li jitlob faċilità ta’ parkeġġ fil-kantina mhux awtorizzata għal vetturi tqal, li tinsab f’sit ta’ żona barra l-iżvilupp (ODZ) f’Burmarrad, propjetà ta’ Bonnici Brothers. Dan il-permess għandu l-barka tal-case officer li rrakkomanda approvazzjoni, allavolja rapport ieħor maħruġ f’Novembru tal-2022 kien irrakkomanda rifjut.
Grima ddenunzja l-approvazzjoni bħala “oxxenità,” u esprima tħassib dwar il-messaġġ li tibgħat dwar kostruzzjonijiet mhux awtorizzati u saħaq li l-futur ta’ pajjiżna jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li qed nieħdu llum.
Is-Sindku semma wkoll ir-responsabbiltà, speċjalment ta’ dawk li kienu jew għadhom jokkupaw kariga pubblika u saħaq li s-serjetà tiddetta, li wieħed ikun konsistenti ma’ dak li jgħid u jipprietka dwaru u mhux isir propju bil-maqlub. B’referenza għall-applikazzjoni li ddaħħlet minn Eks Ministru Nazzjonalista, is-Sindku sostna “Kont nistenna, li l-applikazzjoni mhux tiġi rtirata wara li l-gazzetti u l-midja lokali esponew il-każ, imma li l-applikazzjoni ma ddaħħlet xejn mill-ewwel!”