Fuq il-popolazzjoni, jaħsbuha differenti minn Bernard Grech
Il-popolazzjoni f’Malta – tema li damet titlissen minn fomm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech dawn l-aħħar ġimgħat – qajmet kemxejn tħassib fost il-bosta jekk dak li qiegħed jgħid huwiex minnu. Tkellimna ma’ Michael Stivala (MDA), Josef Vella (UHM), Josef Bugeja (GWU) fejn taw il-kummenti tagħhom dwar dan. Tlabna kummenti wkoll mingħand Marthese Portelli, Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, u Paul Abela, il-President tal-Malta Chamber of SMEs iżda dawn ma wiġbux lura
minn Elaine Camilleri
Tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech għażel li jsemma leħnu kemm-il darba rigward il-kwistjoni tal-popolazzjoni fil-gżejjer Maltin. Fid-diskors tiegħu fil-Parlament dakinhar tal-Baġit, Grech kien saħaq li l-popolazzjoni f’Malta rduppjat mil-2013 ’l hawn, minn mindu l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern. Grech kien irrimarka li l-Gvern Laburista ddependa b’għajnejh magħluqin mill-importazzjoni taċ-cheap labour u li l-influss ta’ ħaddiema barranin kienet l-unika soluzzjoni li l-Gvern sab biex jindirizza n-nuqqas fis-setturi ekonomiċi.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament nhar l-Erbgħa, Grech saħaq ukoll li l-Gvern qiegħed jaħbi milli jagħti n-numru attwali ta’ b’kemm żdiedet il-popolazzjoni f’Malta. Huwa kompla jgħid li l-Gvern ma jafx min hu ġej u min hu sejjer minn pajjiżu, u mhux l-ewwel darba li nqabdu nies jgħixu hawn Malta illegalment. Grech argumenta li din iż-żieda qiegħda tħalli effett negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ Malta.
Tkellimna ma’ Michael Stivala, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi ta’ Malta (MDA). Hu qal li l-informazzjoni korretta rigward iż-żieda fil-popolazzjoni hija li żdiedet b’25%, u mhux irduppjat.
Huwa kompla jgħid li kien hemm bżonn dan it-tkabbir fil-forza tax-xogħol minħabba t-tkabbir ekonomiku. Stivala sostna li din iż-żieda tat kontribuzzjoni lill-ekonomija u minnha nġabru l-assigurazzjoni nazzjonali (NI), jiġifieri nġabru flus li bihom il-Gvern seta’ jħallas is-servizzi soċjali. “Mingħajrha, alternattivi oħra kieku kellhom ikunu li tiżdied it-taxxa jew jiżdied l-NI lill-ħaddiema sabiex tkopri l-pensjonijiet u s-servizzi soċjali.”
Stivala qal li “ma kinitx ħaġa kapriċċuża” għaliex l-ekonomija kellha bżonnha, filwaqt li stqarr li iktar tkabbir irid isir b’mod iktar sostenibbli. “Dan it-tkabbir għen lill-Gvern biex jgħin lill-poplu” speċjalment waqt il-pandemija tal-COVID-19 li ħakmitna kif ukoll l-impatt mill-gwerra tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Stivala jgħid li mingħajr dan it-tkabbir, il-pajjiż ma kienx ikun ekonomikament b’saħħtu biżżejjed u ma kienx jirnexxilu jsostni l-ekonomija tiegħu stess.
Mill-banda l-oħra, Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) saħaq li bħala union “qatt ma nistgħu naqblu u lanqas naċċettaw narattiva fejn il-ħaddiema barranin jidhru bħala piż fuq is-soċjetà tagħna.”
Bugeja sostna li din hija tema popolista perikoluża u li l-ekonomija ta’ Malta qiegħda tiżviluppa b’ritmu mgħaġġel li tirrikjedi l-ħaddiema. Bugeja kompla jorbot ma’ dan il-punt u semma li Malta għandha rata baxxa ta’ qgħad mentri għandha wkoll l-inqas rata ta’ fertilità fl-Unjoni Ewropea.
Skont statistika maħruġa mill-Eurostat, Malta għandha l-inqas rata ta’ fertilità, dik ta’ 1.13 wild għal kull omm – mill-2011 sal-2021, ir-rata ta’ twelid naqset b’24%. Statistika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), juri li fix-xahar ta’ Ottubru 2023 irreġistraw 25 persuna inqas għax-xogħol.
Bħala union, Bugeja sostna li hemm bżonn ta’ mudell ekonomiku rfinat filwaqt li sostna li huwa żbaljat jekk wieħed “jinjora l-benefiċċji tal-ħaddiema barranin kemm fl-attività kulturali, soċjali u ekonomika” għax “bħala union nemmnu li kull ħaddiem ħaqqu dinjità għall-ħidma li jagħmel”.
Sfortunatament hawn min jabbuża mill-ħaddiema barranin u għalhekk hemm bżonn ta’ sorveljanza għax grazzi għal-liġijiet il-ġodda tat-temping agencies u l-out sourcing jaf jitnaqqas dan l-abbuż. Bugeja sostna li hemm ukoll il-“ħtieġa li jinqata’ l-abbuż minn dawn li jħaddmu”.
Bugeja qal li l-Gvern għandu jgħaqqad lill-ħaddiema kollha fi trade union tal-għażla tagħhom filwaqt li jitkompla jirfina l-mudell ekonomiku li jirrifletti ugwaljanza fil-qasam tax-xogħol tal-istess valur.
“Ninsistu li l-ħaddiema barranin huma importanti għas-socjetà tagħna u niddeploraw lil min jitkellem kontra l-ħaddiema fuq bażi ta’ razza.”
Min-naħa tiegħu, Josef Vella, is-Segretarju Ġenerali tal-UHM Voice of the Workers, kien aktar vag. Qal la ċ-Ċensiment ikun f’postu m’għandux għalfejn ikun hemm problema fuq in-numru tal-popolazzjoni. Minkejja dan huwa stqarr li “l-importanti li jkunu rreġistrati kemm dawk li għandhom permess, kif ukoll dawk li m’għandhomx” għaliex mhijiex l-ewwel darba li smajna b’għadd ta’ persuni li jinsabu qegħdin jgħixu hawn mingħajr permess. Vella stqarr li b’dan il-mod jinżamm reġistru kif suppost.
Data preċiża dwar il-popolazzjoni f’Malta hija ddokumentata, bħal kwalunkwe pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea (UE). Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
Huwa fatt li Malta hija wieħed mill-iktar pajjiżi b’popolazzjoni densa fl-UE. Skont l-istatistika tal-NSO, Malta rreġistrat 1,649 persuna għal kull kilometru kwadru, fejn meta mqabbel mal-UE, insibu 100 persuna għal kull kilometru kwadru. L-akbar tliet lokalitajiet irreġistrati f’Malta fl-2021 kienu San Pawl il-Baħar (95.4%), Iż-Żebbuġ Għawdex (79.4%) u l-Imsida (75.4%), li flimkien jammontaw għal 15.7% tal-popolazzjoni totali. Ta’ min jinnota li dawn huma lokalitajiet bl-iktar numru ta’ persuni barranin li joqogħdu hemm.
L-iktar ċensiment riċenti huwa tal-2021, li juri li l-popolazzjoni ta’ Malta kibret minn 417,432 fl-2011 għal 519,562 fl-2021. Fil-fatt, minn studju maħruġ mill-NSO fl-2022, il-popolazzjoni ta’ Malta żdiedet b’25% f’temp ta’ għaxar snin, jiġifieri kien hemm żieda medja ta’ 10,000 fis-sena.