Mario Fava: Salarju ta’ sindku għandu jiddependi fuq il-popolazzjoni tal-lokalità

Nikkontesta jew le? Dilemma li kontinwament tħasseb persuni, speċjalment dawk b’passjoni lejn it-titjib u s-sostenibbiltá tar-raħal tagħhom

Mario Fava jisħaq dwar l-importanza tal-AKL hekk kif isservi bħala “pont bejn il-Gvern Ċentrali u dak lokali.”
Mario Fava jisħaq dwar l-importanza tal-AKL hekk kif isservi bħala “pont bejn il-Gvern Ċentrali u dak lokali.”

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) Mario Fava saħaq li m’għandux ikun hemm salarju fiss imħallas lis-sindki. Ippropona li sindku għandu jaqla’ żieda, mhux skont il-kobor tal-lokalità, iżda skont id-daqs tal-popolazzjoni tal-lokalità. Dan jista’ jsir billi jkun rifless fil-bonus li jingħata b’rabta mas-salarju tiegħu.  

Hekk kif l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jinsabu ftit xhur ’il bogħod, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Mario Fava sabiex tikseb iktar tagħrif fuq id-diversi sfidi u opportunitajiet li membri eletti jaffaċċjaw matul it-terminu tagħhom.  

Fava riċentement inħatar bħala l-Viċi President għall-Kamra tar-Reġjuni fil-Kungress tal-Kunsill tal-Ewropa. Kif spjega Fava nnifsu hija “opportunità għal għarfien akbar ta’ dak li jkun ghaddej u allura tara kif tista’ tisfruttah sabiex possibilment twassal dan il-Kunsilli tagħna, permezz ta’ pjattaformi differenti.” 

Fava tkellem dwar l-importanza tal-AKL hekk kif isservi bħala “pont bejn il-Gvern Ċentrali u dak lokali.” Fil-fatt l-AKL qed tindirizza diversi sfidi lokali u lura fl-2019, nediet il-viżjoni tagħha Resident First – Better Quality of Life, fejn fih ġew stabbiliti erba’ pilastri; trasport sostennibbli, ambjent nadif, spazji miftuħa u rħula modernizzati. 

 

Kandidati qed jonqsu 

Kif inhu mifhum, l-ammont ta’ persuni li jikkontestaw għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali qed jonqsu. B’reazzjoni għal dan, Fava, filwaqt li qabel li l-ammont ta’ persuni li jikkontestaw qed jonqsu, enfasizza li għandha tingħata importanza fuq il-kwalità tal-kandidati u mhux il-kwantità ta’ persuni li jiddeċiedu li jikkontestaw għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. 

Huwa saħaq li l-Partiti ewlenin għandhom responsabbiltà xi jġorru u m’għandhom qatt jippreżentaw kandidat li, jew ikollu storja jew kundanna fil-konfront tiegħu fuq mismanagement, jew inkella ma jkollux il-ħiliet meħtieġa biex jaqdi bl-aħjar mod din il-kariga. 

Għalhekk huwa jemmen li l-kandidati għandhom ukoll jiddikjaraw minn qabel l-interessi tagħhom jekk jiġu eletti, f’sens ta’ jekk humiex se jkunu full-timers jew inkella hux se jkomplu bil-professjoni tagħhom. Fava insista li r-residenti jixirqilhom ikunu jafu minn qabel min huma dawk li lesti jiddedikaw ħafna minn ħinhom għal-lokalità li joqogħdu fiha.  

Rigward il-proċess elettorali huwa qal li dan għandu jkun differenti. Fl-istess elezzjoni għandu jkun hemm elezzjonijiet separati għall-ħatra tal-kunsilliera u għall-ħatra tas-sindku. Dan ifisser li l-partiti minn qabel jiddikjaraw min huma l-kandidati tagħhom għal sindku u min huma l-kandidati tagħhom għal kunsilliera. B’dan il-mod, ikun hemm żewġ ballot papers, waħda sabiex teleġġi s-sindku u l-oħra bil-lista tal-ismijiet ta’ kandidati kunsilliera. Dan jgħin ukoll sabiex ikun hemm anqas pika għaliex sa minn qabel tibda l-elezzjoni, il-kandidati kollha se jkunu diġà jafu l-kariga li se jokkupaw jekk jiġu eletti. 

 

Sindki u kunsilliera eletti 

Meta kandidat jiġi elett, speċjalment għall-ewwel darba, spiss ma jkunx informat fuq kif jaħdmu l-proċeduri. Għalhekk Fava qal li membri eletti għandhom jingħataw taħriġ. Fil-fatt, għal dawn l-aħħar snin, saru numru ta’ programmi ta’ taħriġ fuq l-irwol li għandu jagħti membru elett. Dan sar permezz ta’ sussidji offruti mill-AKL sabiex studenti jkunu jistgħu jistudjaw masters degree fil-Governanza u t-Tmexxija.  

Matul l-intervista, Fava spjega s-sagrifiċċji li jagħmlu membri eletti tal-Kunsilli Lokali. Huwa qal “meta jsir il-ħin, dan ma jistax imur id-dar mal-familja. Dan irid imur l-uffiċċju tal-Kunsill sabiex jara x’kienu l-problemi u l-ilmenti li daħlu f’dik il-ġurnata. Imur il-Kunsill sabiex jibda jiltaqa’ mar-residenti, imur il-Kunsill biex jiltaqa’ mas-Segretarju Eżekuttiv (jekk ikun għadu hemm) u jiddiskuti x-xogħol u prijoritajiet għall-għada u l-ġranet li ġejjin.” 

Dan mhux kollox però. Mario Fava spjega kif differenti minn Segretarju Parlamentari jew Ministeru, Sindku m’għandux chief of staff, segretarjat, uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi jew assistent personali. Dan ifisser li jekk irid joħroġ stqarrija l-Kunsill, is-Sindku jrid jiktibha, jekk irid jipprepara għal xi press call, irid jagħmilha hu, jekk irid xi parir jew konsulenza fuq livell personali, irid iħallas għaliha, u jekk irid iħejji xi diskors għal xi attività, irid jieħu ħsiebu hu wkoll. Dan kollu jsir wara l-ħin tax-xogħol personali tiegħu. 

“Sopra corna e bastonata, jiġri x’jiġri fil-lokalità dejjem tort tas-Sindku!” saħaq Fava minħabba l-fatt li din hija r-realtà li jħabbat wiċċu magħha kull sindku jew president reġjonali. Huwa kompla jgħid kif “din hija l-ħajja li wieħed irid jgħix jekk irid jagħti servizz tajjeb fil-lokalità.” Filwaqt li saħaq dan, Fava għamilha ċara li mhux kull sindku jimxi b’dan il-mod u lanqas kull sindku li jiddedika ħinu kuljum huwa ta’ kwalità lill-Kunsill tiegħu. 

Fava għalaq b’appell fejn jemmen li huwa importanti li lejliet għeluq mit-30 sena tal- Gvern Lokali ġewwa pajjiżna, tiġi kkunsidrata bis-serjetà din il-kariga demokratika u kostituzzjonali. Huwa finalment saħaq fuq kemm hu fundamentali “li jkollna sindki full-timers għaliex ir-responsabbiltajiet, anki legali li jġorru, huma xi kultant aktar minn dak ta’ back bencher, imma huma wkoll jafu x’jiġifieri l-ħajja ta’ sindku għaliex ħafna minnhom kienu f’din il-pożizzjoni.” 

More in Socjali