L-MUT irrapportat li l-maġġoranza tal-għalliema u edukaturi ħadu sehem fl-istrajk. Kif antiċipat l-unjin, id-dejta miġbura tindika li 97% tal-għalliema u eduakturi ma rrappurtawx għax-xogħol nhar it-Tnejn.
L-MUT qalet li “l-effett tal-istrajk seta’ jidher b’mod viżibbli wkoll fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-iskejjel filgħodu peress li d-daħliet tal-iskejjel dehru vojta u mingħajr il-preżenza ta’ edukaturi u studenti.”
L-istrajk ta’ ġurnata ssejjaħ mill-MUT minħabba li fallew in-negozjati u diskussjonijiet mal-gvern dwar il-pakkett finanzjarju tal-edukaturi.
Fl-ewwel kumment dwar l-istrajk, il-President, Uffiċjali u Kunsill tal-MUT irringrazzjaw lill-edukaturi għal din il-manifestazzjoni ta’ appoġġ lejn il-ġid komuni.
“L-appoġġ tal-lum juri li l-edukaturi huma magħqudin flimkien mal-MUT, l-unika għaqda li tirrappreżentahom u lesti li jimxu fit-triq kollha biex jiksbu l-istatus u l-istima mistħoqqa. It-triq 'il quddiem hija ċara.”
L-MUT dejjem qalet li lesta tiddiskuti s-sitwazzjoni mal-gvern u tibqa’ miftuħa għal diskussjonijiet bħal dawn.