Ewrobarometru: Maġġoranza tal-Maltin qed jistennew kwalità tal-ħajja agħar
Skont l-Ewrobarometru 1% biss tal-Maltin jgħidu li l-livell tal-għajxien tagħhom żdied
More in Socjali
Skont l-Ewrobarometru 1% biss tal-Maltin jgħidu li l-livell tal-għajxien tagħhom żdied
Il-maġġoranza tal-Maltin qed jistennew kwalità tal-ħajja iktar baxxa s-sena d-dieħla, skont stħarriġ li sar mill-Ewrobarometru.
L-istħarriġ żvela kif 85% tal-Maltin li rrispondew jemmnu li l-affarjiet ħa jmorru għal-agħar fl-2024, filwaqt li 50% jemmnu li preżentament jemmnu lil-affarjiet sejrin fid-direzzjoni l-ħażina.
L-informazzjoni, li tkopri ċ-ċittadini mill-istati membri kollha tal-UE, ġiet ippubblikata sitt xhur qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla, li se jsiru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju.
L-istħarriġ ħares lejn il-ħajja fl-UE mill-perspettiva taċ-ċittadini, il-perċezzjonijiet tagħhom dwar l-UE, il-Parlament Ewropew, kif ukoll is-sħubija fl-UE. L-istħarriġ ħares ukoll lejn l-għarfien taċ-ċittadini dwar l-elezzjonijiet, kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħhom fiha.
73% taċ-ċittadini Ewropej qalu li jistennew li l-livell tal-għajxien tagħhom jonqos.
85% tal-Maltin jaħsbu li l-livell tal-għajxien tagħhom se jonqos, filwaqt li 1% biss tal-Maltin jgħidu li fil-fatt il-livell tal-għajxien tagħhom żdied.
Il-Parlemeter wera li 48% tal-istati membri tal-UE jemmnu li l-affarijiet sejrin fid-direzzjoni il-ħażina fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, u 33% jemmnu li l-affarijiet sejrin fid-direzzjoni t-tajba b’mod ġenerali.
F’Malta, 20% jemmnu li l-affarijiet fl-UE sejrin fid-direzzjoni ħażina, filwaqt li 41% jgħidu li l-affarijiet sejrin fid-direzzjoni t-tajba. F’Malta, 50% jemmnu li l-affarijiet sejrin fid-direzzjoni ħażina, filwaqt li 28% qalu li l-affarijiet sejrin fid-direzzjoni t-tajba fil-pajjiż.
Hemm ukoll tnaqqis fl-ottimiżmu fuq l-ekonomija ta’ Malta, bi 53% jgħidu li l-ekonomija tal-pajjiż se tkun fi stat agħar fi żmien sena, żieda ta’ sitt punti perċentwali minn Marzu. 29% jaħsbu li se tibqa’ l-istess, filwaqt li 11% jemmnu li se tkun aħjar, tnaqqis ta’ seba’ punti perċentwali meta mqabbel ma’ Marzu.
Rigward l-irwol potenzjali tal-UE li tikkomprometti l-fruntieri ta’ Malta, iċ-ċittadini Maltin juru aktar tħassib minn Ewropej oħra.