Il-miġja ta’ Malta lejn il-famuża ‘arja nadifa’
Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-NGO Friends of the Earth u l-Ministeru tal-Ambjent sabiex niksbu tagħrif aktar iddettaljat fuq l-istatistika ppubblikata mill-Eurostat rigward l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f’pajjiżna
minn Luigi Sghendo
L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’Malta fit-tieni kwart tal-2023 żdiedu bl-ogħla rata fl-Unjoni Ewropea, skont statistika tal-Eurostat.
L-emissjonijiet f’Malta żdiedu b’7.7% filwaqt li l-medja Ewropea rat tnaqqis ta’ 5.3%, meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2022.
L-istatistika turi li fl-istess perjodu l-ekonomija Maltija kibret bi 3.9%, l-ogħla fl-UE, li tista’ tispjega għalfejn Malta esperjenzat żieda qawwija fl-emissjonijiet.
L-emissjonijiet ta’ gassijiet serra naqsu f’21 pajjiż membru.
Susanne Maas, f’isem l-organizzazzjoni mhux governattiva Friends of the Earth Malta (FoEM), qalet li ż-żieda fl-emissjonijiet f’Malta għandha x’taqsam parzjalment mat-tkabbir ekonomiku.
Iż-żieda fil-popolazzjoni u l-kontinwazzjoni ta’ tkabbir ekonomiku qed jikkontribwixxu għal żieda fl-emissjonijiet GHG, tant li s-sorsi primarji tal-emissjonijiet ġejjin minn użu ta’ enerġija mill-bini u trasport,” sostniet Suzanne Maas, kordinatriċi tal-kampanja favur il-klima tal-FoEM.
Bini residenzjali u kummerċjali f’Malta jikkontribwixxu għal 45% tal-emissjonijiet, filwaqt li s-settur tat-trasport hu responsabbli għal 55%.
Mill-2017, Malta akkwistat provvista ta’ elettriku minn tliet sorsi; gass LNG impurtat lejn l-impjanti ta’ Delimara, l-interconnector bejn Sqallija u Malta, kif ukoll enerġija rinovabbli li jammonta għal madwar 10% biss. Dan ifisser li madwar 90% tal-provvista tal-elettriku f’pajjiżna ġej minn fuels fossili.
Skont l-NGO, il-prezzijiet għoljin tal-enerġija fl-Ewropa kienu ta’ kontribut ewlieni għaż-żieda fl-emissjonijiet hekk kif Malta ddependiet aktar fuq l-elettriku ġġenerat mil-LNG fil-power station ta’ Delimara u naqqset il-persentaġġ importat permezz tal-interconnector. Dan konsegwentement fisser persentaġġ ogħla ta' emissjonijiet fil-pajjiż minħabba li elettriku ġġenerat mill-interconnector ma jkunx inkluż mal-emissjonijiet marbuta ma’ Malta.
L-NGO saħqet li dan ma jfissirx li għandna nistennew sakemm jorħsu l-prezzijiet lil hinn minn xtutna biex innaqqsu l-emissjonijiet meta dawn xorta waħda qed jiġu ġġenerati. Minflok għandna ninvestu f’enerġija rinnovabbli u nżidu l-effiċjenza.
Il-Ministeru tal-Ambjent spjega l-istatistika, li tinkludi fiha emissjonijiet relatati mal-international bunkering u l-avjazzjoni fuq livell internazzjonali, u dan qed jiġi kkalkulat fl-emissjonijiet fuq l-ammont ta’ fuel li Malta tbigħ f’dawn iż-żewġ setturi.
Il-Ministeru saħaq li dan ma jkunx parti mill-inventarju nazzjonali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għax bħala metodoloġija, il-pajjiż jimxi ma’ dak li hu stabbilit fil-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti u dak Ewropew.
Fil-fatt, il-Ministeru sostna li Malta huwa l-pajjiż bl-inqas emissjonijiet per capita. Dan qed jingħad skont statistika riċenti maħruġa mill-Eurostat.
Pjanijiet ta’ investiment li jappoġġaw it-tnaqqis tal-emissjonijiet mingħajr ma jxekklu t-tkabbir
FoEM jemmnu li bħala pajjiż għandna bżonn niddiskutu l-kunċett ta’ suffiċjenza tal-enerġija. Dan iservi bħala bilanċ bejn l-użu eċċessiv tal-enerġija u l-faqar tal-enerġija.
L-organizzazzjoni mhux Governattiva esprimiet id-diżappunt tagħha hekk kif l-istrateġija ta’ Malta għal-livelli baxxi ta’ karbonju tipprevedi biss tkabbir fid-domanda għall-enerġija, mingħajr ma tiddiskuti b’mod adegwat politiki biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija u tippromovi l-effiċjenza tal-enerġija bħala prijorità.
Filwaqt li saru sforzi biex it-tkabbir ekonomiku jiġi “diżakkoppjat” miż-żieda fil-konsum tal-enerġija billi tissaħħaħ l-effiċjenza tal-enerġija, ir-riċerka tindika li din l-istrateġija għandha l-limitazzjonijiet tagħha.
FoEM Malta sostniet li għandna nopponu l-promozzjoni ta’ industriji lussużi, pereżempju dawk għall-industrija tas-superyachts u l-espansjoni tal-marinas. Issuġġeriet ukoll li għandna nopponu rati aktar baxxi tal-VAT għall-jets privati u l-kiri tal-ajruplani, kif ukoll l-espansjoni proposta tal-ajruport.
FoEM kompliet tgħid kif Malta tista’ tkun minn ta’ quddiem fit-tranżizzjoni ekoloġika u tiffoka l-politiki ekonomiċi tagħha fuq setturi bħall-enerġija rinnovabbli, ir-rinnovazzjonijiet u r-retrofitting, it-tbaħħir marittimu nadif, u setturi oħra li jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà.
Rigward pjanijiet ta’ investimenti, il-Ministeru tal-Ambjent semma diversi investimenti u skemi li jippromovu enerġija nadifa fosthom:
-
Allokazzjoni ta’ €133 miljun għas-sena d-dieħla favur it-tranżizzjoni enerġetika li tinkludi l-estensjoni ta’ diversi skemi, bħal dawk tar-REWS għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi, sistemi ta’ batteriji, heat pumps u solar water heaters, skemi għar-restawr tal-bjar u sistemi ta’ purifikazzjoni tal-ilma, skemi ta’ feed-in tariffs għal investimenti f’sistemi t’enerġija rinnovabbli akbar u ħafna inizjattivi oħrajn.
-
Investiment ta’ €47 miljun fuq żewġ proġetti ta’ battery energy storage systems u ieħor ta’ €55 miljun għas-sena d-dieħla fl-infrastruttura tad-dawl, u finalment allokazzjoni ta’ €350 miljun biex inżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Iżda wieħed jistaqsi jekk din l-allokazzjoni hux qed tagħmel l-oppost u tippromovi iktar użu ta’ enerġija.
Rigward it-triq ta’ Malta għan-newtralità fil-Klima sal-2050, FoEM ikkwotat il-Low Carbon Development Strategy (LCDS), ippubblikat mill-Gvern, fejn jgħid li Malta se tkun carbon neutral sal-2050. Iżda FoEM qajmu dubju fuq kif dan l-għan se jintlaħaq, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li l-miri tal-LCDS, li jiddetta l-mira ta’ 21% ta’ enerġija nadifa sal-2050.
Progress fid-Diversifikazzjoni tat-Teknoloġiji tal-Enerġija Nadifa f’Malta
FoEM tappoġġa investimenti f’sorsi futuristiċi ta’ enerġija, bħall-enerġija mix-xemx u mir-riħ, effiċjenza fl-enerġija, u inizjattivi tal-enerġija komunitarja.
Huma jipproponu li l-elettriku importat jiġi minn sorsi rinnovabbli permezz ta’ kuntratti b’garanziji tal-oriġini.
Maas qalet li l-konservazzjoni tal-enerġija fil-bini, l-operazzjonijiet u t-trasport huma l-aktar mod kosteffettiv biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija.
Maas kompliet tgħid li “l-abbozz ta’ politika għal enerġiji rinnovabbli offshore huwa meqjus bħala pass pożittiv, li potenzjalment iżid il-ġenerazzjoni lokali ta’ enerġija rinnovabbli f’Malta. Nistgħu ninkoraġġixxu li tenders fil-futur jinkludu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, permezz ta’ ishma li jkunu disponibbli għall-pubbliku. Dan diġà ġara hekk kif ‘Seacoop’ fil-Belġju, għandu mira li 20% tal-ishma jkunu aċċessibbli għall-pubbliku.”
Dan filwaqt li rrimarkat; “proġetti proposti bħall-pipeline Melita TransGas u liċenzji ġodda għall-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass jikkontradixxu l-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.”
Finalment FoEM temmet tgħid, “Id-diskussjonijiet dwar l-użu potenzjali tal-idroġenu ekoloġiku huma nieqsa lokalment.
Rigward enerġija rinovabbli, il-Ministeru tal-Ambjent qal li s-sena d-dieħla se tinħareġ sejħa għall-espressjoni ta’ interess relatata ma’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli li jistgħu jsiru fiż-żoni esklussivi ekonomiċi ta’ Malta.
Barra minn hekk, komplew jispjegaw kif is-sena d-dieħla wkoll se tkun qed toħroġ is-sejħa għall-offerti għall-ewwel investiment f’pajjiżna għal sistemi ta’ ħażna t’enerġija fuq skala kbira (battery energy storage systems).
Apparti dan, semmew it-tieni interconnector li huwa skedat li jitlesta tliet snin oħra, iżda bħalma spjegaw FoEM, kemm l-enerġija importata minn interconnector se tkun nadifa, wieħed ma jafx.
Il-Gvern qed jitfa’ enfasi fuq diskussjonijiet qabel ma jitwettqu proġetti. Fil-fatt fakkru fid-diskussjonijiet li saru f’Mejju li għadda, diskussjonijiet li saru mal-pajjiżi Ewropej tal-Mediterran, u li wasslu għal dikjarazzjoni storika li wittiet it-triq biex nagħmlu pajjiżna Mediterran hub ta’ enerġija nadifa. Fost il-metodi biex dan isir possibbli, Malta ffirmat ftehim mal-Libja wkoll dwar il-possibbiltà ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fejn tidħol l-enerġija nadifa, u qed jiġu diskussi ma’ pajjiżi oħra ġirien ta’ Malta.
Skont il-Ministeru tal-Ambjent, “Huma dawn l-inizjattivi, integrati ma’ miżuri oħrajn li qed jiġu mfassla u adotatti li se jkomplu jmexxu l-politika ta’ pajjiżna sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet ġenerali marbuta ma’ Climate Neutrality sal-2050.”