Tlesta x-xogħol amministrattiv marbut mat-tfassil biex jinħarġu s-sejħiet għall-offerti li jaqgħu taħt l-iskema Community Greening Grant.
Dan tħabbar mill-Ministru tal-Ambjent Miriam Dalli wara li l-MP Graziella Galea staqsiet lill-Ministru fiex wasal ix-xogħol marbut mas-16-il proġett li tħabbru xhur ilu tal-Project Green.
Il-Ministru Dalli spjegat kif ix-xogħol b’rabta mas-16-il proġett wasal f’diversi fażijiet, u li qed isir b’investiment ta’ €10 miljun. Hija kompliet tgħid kif din l-iskema, li nħarġet minn Project Green, se tkopri mat-80,000 metru kwadru ta’ art minn Għajnsielem sa Marsaxlokk.
Barra minn hekk, il-Ministru Dalli qalet li se jsiru proġetti oħra f’lokalitajiet differenti, f’Santa Venera, l-Imtarfa, Birkirkara, il-Mosta, il-Mellieħa, Ħal Għaxaq, l-Imsida, San Pawl il-Baħar, il-Gżira, Ħal Għargħur, Bormla, Raħal Ġdid, iż-Żurrieq u Tal-Pietà.
Finalment, fuq il-proġett propost minn Hospice Malta, dak ta’ Santa Venera, il-Ministru Dalli qalet “bdew ix-xogħlijiet fuq art, li oriġinarjament kienet maħsuba għall-iżvilupp. Din se tinbidel fi ġnien ta’ madwar 2,700 metru kwadru fil-qalba ta’ waħda mill-aktar żoni urbani f’Malta.”