Il-fqir mhuwiex kriminal, il-fqir jixraqlu l-aħjar – Fr Marcellino
Il-ġurnalista Elaine Camilleri żaret is-Soup Kitchen OFM Valletta u ltaqgħet ma’ Dun Marcellino u ma’ wħud mill-voluntiera li jiddedikaw ħinhom f’din il-kċina. Dun Marcellino, patri Franġiskan, midd idejh flimkien ma’ sħabu l-patrijiet Franġiskani sabiex ir-refettorju l-antik li hemm fil-Belt Valletta jingħata tiswira oħra u jibda jintuża bħala kċina fejn jgħinu lil dawk inqas fortunati
minn Elaine Camilleri
Kemm hu reali l-faqar f’pajjiżna?
In-nies qed jiżdiedu. Ir-realtà tal-faqar mhijiex realtà li bdiet illum. Dejjem ikun hemm nies li jaqtgħu lura imma l-faqar qed jgħolli rasu. Huma ħafna fatturi, fosthom l-instabbiltà fiż-żwieġ li toħloq problemi kbar.
L-iktar li jiġu hawnhekk huma nies bi wġigħ mentali u dwejjaq qares. Aħna ngħinuhom billi noffrulhom għajnuna mingħand social workers, għandna wkoll avukat, nagħtuhom kura għas-snien, hairdresser u mediċini, imma qatt mhu biżżejjed għax din hija realtà daqskemm hi realtà ta’ dawk li jinsabu bla dar (homeless).
L-iktar raġuni komuni hija l-uġigħ mentali. It-tieni raġuni hija d-droga – din saret epidemija fis-soċjetà. Ħafna nies isibu l-faraġ fid-droga u nistaqsi lili nnifsi ‘għaliex?’
Raġuni oħra hi l-abbuż tax-xorb u l-problemi tal-użura. Hemm min ukoll għandu problema ta’ nuqqas tajjeb ta’ immaniġġjar, imma minkejja dan jista’ jkun li t-tort mhux dejjem ikun tagħhom. Forsi huwa tort tagħna għax lis-socjetà ma sabuhiex meta kellhom bżonnha; u dawn il-fatturi jafu anke jmorru lura għal żmien meta ngħataw l-edukazzjoni.
Dawn huma fatturi li jekk wieħed ma jindunax bihom minn età tenera fil-primarja u fis-sekondarja, jaf jirrifletti ħażin aktar ’il quddiem. Il-problemi ġieli jibdew mill-ġenituri u t-tfal mhumiex boloh. It-tfal huma intelliġenti. Vera li kulħadd għandu l-feriti u t-trawmi tiegħu, u għalhekk m’għandniex niġġudikaw.
Jien naħseb li meta toqgħod tiġġudika lil dak u lil dik, tkun qed taħli l-ħin. Il-missjoni tiegħi hi li nkun bilqiegħda magħhom. Naf l-istorja ta’ wieħed u waħda minnhom. Kelli diżappunti? Mela le, imma l-ikbar diżappunt huwa t-tgħajjir, l-insulti u l-ġudizzju li jirċievu mingħand il-bniedem. ‘Bniedem magħkus tkomplix tgħaffġu’. Ir-razziżmu fost il-Maltin għall-Maltin huwa reali.
Is-Soup Kitchen tpinġi realtà li hija moħbija jew minsija mis-soċjetà Maltija?
Hemm differenza bejn Triq ir-Repubblika u Triq Strada Sant’Ursula. Huma żewġ realtajiet diversi. Jien nitlob li s-socjetà Maltija tkun ħanina lejn dawn in-nies. Is-soċjetà għandha tkun solidali magħhom. Huma għandhom bżonn l-imħabba u min jieħu ħsiebhom. Meta bniedem jissetilja fid-dinja tax-xogħol għalija qisni rbaħt il-lotterija. Il-bniedem irridu nżommulu d-dinjità tiegħu. Jien nagħmel ħidma pastorali; inkun ragħaj għal min m’għandux ragħaj, inkun missier għal min m’għandux missier, inkun ħuh għal min m’għandux ħuh.
Il-poplu tagħna huwa ġeneruż imma nara ħafna razziżmu mill-Maltin lejn il-Maltin stess. Tara mibegħda għaliex l-ewwel nett in-nies jipproġettaw fuqek il-problemi u l-biżgħat tagħhom, imbagħad jittikkettaw lill-fqir.
Jista’ jkun li jkun hemm min isir dipendenti fuq is-soup kitchen u qatt ma jara kif jgħin lilu nnifsu?
F’dawn is-sentejn sibna impjieg lil iktar minn 200 persuna. Li tinkwetani hija li dawn in-nies, dejjem ħa jsibu lil xi ħadd jiġri warajhom bid-droga biex iħajjarhom. Il-klieb il-baħar hemm barra qegħdin. U dawn huma nies vulnerabbli. Kulħadd għandu l-vulnerabbiltà tiegħu.
Għandna terz tista’ timbuttahom għad-dinja tax-xogħol imma mbagħad hemm oħrajn li huwa impossibbli. L-uġigħ mentali tant ikun kbir li jispiċċaw jiddependu fuq ir-relief. Hawn min jaqla’ paga ta’ €600/€700 fix-xahar imma mbagħad minn dik il-paga jrid iħallas xi €300 kera, allura dawn jiġu jieklu hawn.
Il-fqir mhuwiex tallab, il-fqir jixraqlu l-aħjar u l-fqir mhuwiex kriminal. Biex inserrħu l-kuxjenza tagħna nittimbrawhom ta’ ‘għażżenin’ jew ‘kriminali’. Iżda la darba tibda tisma’ l-istorja ta’ kull wieħed tibda tifhem il-kumplessità tal-isfidi l-kbar li għaddejjin minnhom.
Xi ħaġa li tinkwetani wkoll hija li l-ħabs jattirahom. Jiġbidhom għax hemmhekk għandek saqaf, għandek platt ikel, u għandek sodda. Weġgħa oħra hi jċempluli li ħerġin mill-ħabs jew mill-isptar u jgħiduli li m’għandhomx saqaf fuq rashom.
L-aqwa prinċipju li tgħallimt huwa li m’għandniex niġġudikaw. Meta nisma’ l-istejjer tagħhom, nibda nistaqsi ‘imma dawn kif ma għerqux? Għaddew minn esperjenzi ta’ tbatija, telfien, solitudni …’
X’ispirak biex tibda jew tinvolvi ruħek fit-tmexxija tas-Soup Kitchen?
Jien ħdimt fi proġetti kbar tal-Mission Fund, proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ djar, skejjel, kliniċi. Dort il-kontinenti kollha, però kont ġejt ikkritikat li qed naħdem għall-barrani. Il-missjoni hawn Malta ġegħlitni nsofri iktar milli sofrejt xi mkien ieħor. Niftakar, kont il-Gwatemala u l-qassis kien bagħatni nqaddes fuq muntanja. Dak li rajt kien xokk kulturali għalija – miżerja tal-biża’. F’dik id-daqsxejn ta’ kappella li kont qed inqaddes fiha, il-Vanġelu kien ‘Agħtihom intom x’jieklu’ u kien dak li xlieni niċċaqlaq u nagħtihom jien x’niekol.
Egoistikament, nirraġuna li l-foqra huma l-aqwa għalliema. Jien kelli edukazzjoni tajba, kont anke sifirt u studjajt l-Amerka, iżda l-fqir għandu x’jgħallmek. Għandu għerf innat li ma ssibu mkien. Dan l-għerf m’intix se ssibu fuq Facebook jew fil-kotba għaliex issibu biss minn dawk li daqu l-ebusija tal-ħajja u jafu illi li ma jkollok xejn, ifisser xejn. Ta’ fuqek senduqek, u Malta għandna nies b’ta’ fuqhom senduqhom. Kieku ħija jew xi ħadd mill-familja għandu bżonn l-għajnuna, se nxammar il-kmiem, daqstant ieħor għal dawn in-nies.
Tista’ taqsam esperjenza jew storja memorabbli li ħalliet impatt fuqek?
Esperjenza żgħira kienet fil-Milied. Dakinhar kellna splużjoni ta’ ferħ. Il-ferħ kont tmissu b’idejk. Ħalli tiekol waħdek is-sena kollha, imma mhux fil-Milied. U tara lil kulħadd imbiddel bl-aħjar ilbies. Vera kienet okkażjoni ta’ ġojja. Kienu hawn allegrija kbira. Il-ferħ tagħtih lil ħaddieħor u jerġa’ jiġi għandek.
‘Ħobż id-dinja ma jxebbax’, ikollok kemm ikollok qatt m’int se tixba’.
Wieħed mill-proverbji tal-Iskrittura jgħidilna li ‘Min hu xebgħan sal-għasel idejqu. Min hu bil-ġuħ sal-morr jiġih ħelu’. Kulħadd għandu l-istorja tiegħu.
Xi sfidi taffaċċjaw ta’ spiss jew li tiltaqgħu ħafna magħhom?
L-ewwel nett, il-prijorità tagħna hi li nagħtuhom l-aqwa ikel għaliex irridu nevitaw ċertu mard u nevitaw anke milli n-nies imorru jisirqu. Il-ġuħ iġennek. Dan narah mill-missjoni li għamilt u anke f’Malta.
Insibu sfidi kbar ta’ rabja. Bosta jċemplu minn Monte Karmeli jew mill-isptar jgħiduli li m’għandhomx fejn joqogħdu. Aħna ngħidulhom li mhumiex tallaba – din ir-risposta tweġġagħhom.
Sfidi oħra kbira hija t-tsunami ta’ droga u l-abbuż mix-xorb. Nixtieq inkun naf kemm jintefqu flus fil-ġimgħa fuq droga. Barra minn hawn hemm iktar dixxiplina, iżda hawnhekk għandna aċċess faċli għax-xorb u t-tipjip. Tista’ tmur f’supermarket u ssiblu x-xorb. M’hawnx kontroll fejn jidħol l-abbuż tax-xorb. Qed isir, iżda hemm bżonn iktar.
F’Malta jsir investiment kbir fl-edukazzjoni, imma mbagħad la darba toħroġ mill-iskola, jinfetħu l-bibien kollha.
Tikkollabora ma’ organizzazzjonijiet komunitarji jew individwi oħra biex tappoġġja l-missjoni tas-Soup Kitchen?
Iva, naħdmu mal-Caritas u mal-YMCA. Kull xahar nagħmlu laqgħat u niltaqgħu. Dan huwa importanti ħafna għaliex nerġa’ ngħid il-fqir mhuwiex tallab.
Barra minn hekk, bosta kumpaniji jibagħtulna l-voluntiera huma. Fil-fatt, diġà aħna bbukkjati sal-aħħar ta’ Marzu bil-voluntiera, filwaqt li għandna l-voluntiera tagħna u anke dawk barranin jiġu jgħinuna. Studenti wkoll jiġu jagħmlu xi volontarjat għal xi żmien qasir.
Kemm huwa importanti l-involviment tal-voluntiera fis-Soup Kitchen?
Il-voluntiera huma x-xewka tad-dahar ta’ din il-kcina. Qed ikun hawn iktar qawmien għall-voluntiera. Il-ferħ huwa meta tagħti u dan ix-xogħol huwa ta’ terapija għal xi wħud mill-voluntiera. Int la tiġi hawn, mhux biss qiegħed tgħin imma anke tissoċjalizza.
Fis-soċjetà tagħna hawn nies li jaqgħu mix-xibka għal ħafna raġunijiet. U rridu nkunu konxji ta’ dan.
X’inhuma l-miri u l-aspirazzjonijiet futuri tas-Soup Kitchen, u kif qed tippjanaw li tespandu l-impatt tagħha fil-komunità?
Li noħolqu kuxjenza u minn hawn nirringrazzja l-qalb tal-Maltin li hija inkredibbli. Naħseb m’hawn ħadd li jgħaddi lill-poplu Malti fil-ġenerożità tiegħu, ħlief Alla. Il-ġenerożità hija impekkabbli. U l-miraklu tal-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet ma kienx miraklu tal-bieraħ biss imma miraklu tal-lum u ta’ għada.
Wieħed mill-ostakli li għandna fis-soċjetà hija dik li bl-Ingliż insejħulha ‘shame’, In-nies li jkollhom bżonn, ma jitkellmux għax jistħu u jagħtu kas ilsien in-nies, ta’ x’ħa jgħidu fuqhom. Jistħu mit-tikketti li nagħtuhom. Aħna nagħmlu kuntatt ma’ kulħadd u ngħinu lil kulħadd. Għalina faċli nagħtu tikketta u jekk il-ħaġa ma tolqotniex, ma teżistix. Mela jien biex infarfar mill-kuxejnza u l-qalb, naqbad ngħid ‘mhux tort tagħhom, mhux huma għażżenin’.
Fiex tixtiequ tinvestu biex tiffaċilitaw ix-xogħol li tagħmlu għas-socjetà?
L-investiment li jmiss huwa x-xelter għaż-żgħażagħ li joħorġu mill-istituzzjonijiet tal-Gvern. Dik hija l-ħolma tagħna. Li nagħtuhom formazzjoni. Li taqbad u tarmi lil dak li jkun fit-triq, dak kollu li nbena matul iż-żmien jitfarrak fix-xejn. Is-soċjetà mimlija klieb il-baħar.
U ħolma oħra hi li noħolqu kuxjenza biex kull ċittadin ikollu saqaf fuq rasu. Jien jispirani Ġesù Kristu għaliex huwa stess kien bla dar.
Nixtieq nerġa’ nirringrazzja l-qalb tal-Maltin, u grazzi lill-Mulej li tahom qalb tad-deheb.