Imniedi l-ktieb “L-istorja ta’ Molly” immirat għall-istudenti tal-primarja

Imniedi l-ktieb “L-istorja ta’ Molly” immirat biex jżid l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali fost l-istudenti bħala parti ta’ inizjattiva tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali

Ġie imniedi l-ktieb bilingwali “L-istorja ta’ Molly”, bħala parti ta’ inizjattiva tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali. 

Dan il-ktieb se jitqassam fl-iskejjel primarji kollha u huwa mmirat sabiex jqajjem għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali fost l-istudenti. 

It-tnedija tal-ktieb saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

Il-ktieb huwa immirat għall-istudenti primarji sabiex iqajjem aktar kuxjenza dwar l-importanza tal-adozzjoni tal-annimali, u x-xogħol li jsir mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali. 

Grima qal li “Il-qari huwa importanti u huwa bażi għal edukazzjoni sħiħa, għalhekk il-litteriżmu qiegħed jingħata importanza fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni l-ġdida li bħalissa tinsab fl-aħħar fażi ta’ konsultazzjoni qabel tkun implimentata.”

Min-naħa tagħha, Bugeja Said spjegat li dan il-ktieb se jsib postu wkoll f’diversi libreriji madwar Malta u Għawdex. Sostniet li s-settur tal-ħarsien tal-annimali huwa wieħed marbut ħafna mal-edukazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku. 

More in Socjali