Il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi reġa appunta lill-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer biex imexxi n-negozjati dwar is-Saltna tad-Dritt, din id-darba dwar il-Greċja.
Engerer diġá qiegħed jinnegozja r-rapport dwar is-Saltna tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea kollha fl-2023, li sejjer għall-vot fil-Kumitat LIBE l-ġimgħa d-dieħla. Barra minn hekk huwa nnegozzja rapporti dwar is-Saltna tad-Dritt fl-Ungerija, l-Polonja, l-Islovakkja, l-Islovenja u Malta.
Engerer saħaq li “Sibna reżistenza kbira minn naħa tal-Partit Popolari Ewropew saħansitra biex niddiskutu t-tema tal-Greċja, minkejja li fil-pajjiż hemm problemi sistematiċi tas-Saltna tad-Dritt, hemm gvern li inqabad juża s-software Pegasus biex jispijja l-mobile phones ta' ġurnalisti, attivisti u politiċi tal-opposizzjoni, filwaqt li nqatel il-ġurnalist Giorgo Karaivaz tlett snin ilu mingħajr ebda avvanzi fl-investigazzjoni.”
Engerer kompla jisħaq li minkejja kienu mblukkati mill- Partit Popolari Ewropew li għandu t-tmexxija tal-Gvern Grieg biex jitħejja rapport, dan se jitwettaq.
"Dejjem ħadt bis-serjetà x-xogħol dwar is-Saltna tad-Dritt u qdejt dmiri b'mod ġust", ikkonkluda Engerer.