“Iż-żgħażagħ għandhom ikomplu jeżerċitaw il-libertà tal-espressjoni
Il-ġurnalist Luigi Sghendo tkellem ma’ Michaela Vassallo, waħda mid-disa’ membri li tifforma l-bord tal-YAF
More in Socjali
Il-ġurnalist Luigi Sghendo tkellem ma’ Michaela Vassallo, waħda mid-disa’ membri li tifforma l-bord tal-YAF
Fl-10 ta’ Jannar tnediet l-ewwel laqgħa tal-Youth Advisory Forum (YAF) fejn disa’ żgħażagħ bejn is-16 u t-33 sena ntgħażlu biex isiru membri. Il-ġurnalist Luigi Sghendo tkellem ma’ Michaela Vassallo, waħda mid-disa’ membri li tifforma l-bord tal-YAF.
Vassallo espremiet il-kunfidenza li għandha fil-YAF hekk kif temmen li miexi b’ritmu tajjeb minkejja li għadu fil-bidu tiegħu. Hija temmen li l-potenzjal tiegħu qed jibda jiġi eżerċitat, u sostniet li dan se jgħin biex ikompli jtejjeb l-isfidi li jaffaċċja l-pajjiż, b’mod partikolari l-isfidi li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ. “Il-membri ġejjin minn diversi setturi differenti, min fl-isports, kunsilli lokali, liġi u diversi setturi oħra, u nemmen li dan se jħalli l-frott” saħqet Vassallo.
Il-membri appuntati fil-Youth Advisory Forum esprimew il-fehmiet tagħhom waqt l-ewwel laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela. Din kienet l-ewwel waħda minn kullana ta’ laqgħat immexxija minn Abela nnifsu. Filwaqt li qalet li ma tistax titkellem fuq dak li jiġi diskuss waqt il-laqgħat, hija appellat biex iktar żgħażagħ jeżerċitaw id-dritt tal-libertà tal-espressjoni u ma jiddejqux jikkomunikaw magħha jew mal-kollegi fil-bord biex jgħaddu rakkomandazzjonijiet. “Il-bieb miftuħ għal kulħadd”, saħqet Vassallo.
Vassallo spjegat kif il-Forum twaqqaf bl-għan li jservi ta’ organu fejn il-Gvern jikkonsulta maż-żgħażagħ fuq liġijiet, strateġiji u pjanijiet dwar temi ta’ importanza nazzjonali. Hija kompliet tgħid kif iż-żgħażagħ intgħażlu minn bord kompost minn uffiċjali pubbliċi u rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, il-KNŻ.
Dan il-forum tnieda biex ikun strument sabiex iż-żgħażagħ Maltin ileħħnu l-opinjoni tagħom u x’qed jinkwetahom. Dan se jservi bħala pont biex iż-żgħażagħ tingħatalhom l-opportunità li jiddiskutu dak li jixtiequ. Dan minħabba, kif inhu mifhum mill-perċezzjoni tal-poplu, li ż-żgħażagħ tilfu l-interess fil-politika.
Fid-dawl ta’ dan staqsejnieha jekk dan kienx rifless fl-ammont ta’ persuni li xeħtu isimhom fil-Forum. “Kien hemm interess imma ħsibt li kien se jkun hemm iktar” sostniet Vassallo. Iżda minkejja dan il-ħsieb hija fakkret li “l-opportunità li tpoġġi faċċata tal-Prim Ministru li qed jisimgħek, toffri opportunità unika fejn l-ideat taż-żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw”.
Ta’ min jinnota li l-membri se jkunu qed iservu għal perjodu ta’ 18-il xahar fil-Forum u se jkollhom iċ-ċans li jerġgħu jiġu appuntati għal terminu ieħor biss. Għal din ir-responsabbiltà huma jirċievu paga ta’ madwar €1,700 fis-sena. Dan skont ir-regoli li jirregolaw il-bordijiet konsultattivi tas-Servizz Pubbliku.