ARA: Meta l-ikbar kelb il-baħar fid-dinja nqabad f’Malta
x’sar minnu l-kelb il-baħar?
More in Socjali
x’sar minnu l-kelb il-baħar?
Fis-17 ta’ April 1987, Cutajar lesta biex jimbarka għas-sajd, ’il barra mix-xatt tar-raħal pittoresk ta’ Wied iż-Żurrieq fejn beda r-rutina tas-sajd tas-soltu, b’seba’ għajnejn fuq it-tonn u l-pixxispad.
Madankollu, id-destin kellu pjan differenti għal Cutajar dakinhar. Hekk kif Alfredo ċċekkja s-snanar tiegħu ħdejn ir-raħal, innota galleġġjant tas-sufra mgħaddas, sinjal ta’ qabda mhux tas-soltu.
Il-misteru kompla jikber wara li sab diffikultà biex itellaʼ dil-qabda waħdu, u għalhekk għamel sinjal għall-għajnuna minn dgħajsa tas-sajd li kienet għaddejja fil-viċinanzi. Ftit kien jaf, li taħtu kien hemm kelb il-baħar li se jnaqqaxlu ismu fl-istorja ta’ pajjiżna.
Cutajar qatta’ tliet sigħat jissielet u beda jieħu ħjiel tal-qabda. Finalment irrealizza l-kreatura kolossali u flimkien ma’ dgħajsa tas-sajd li kienet fil-viċinanzi beda l-vjaġġ lura, din id-darba lejn Marsaxlokk minħabba d-daqs tal-kelb il-baħar li kien jirrikjedi krejn ħdejn il-baċir. Ta’ min jinnota li l-kelb il-baħar kien kważi d-doppju tad-dgħajsa modesta ta’ Alfredo ta’ ħames metri.
Intant, fix-xatt ta’ Marsaxlokk inġabret folla li rat spettaklu li ħalliehom b’geddumhom mal-art. Wara spezzjoni aktar mill-qrib, ġie żvelat li l-kelb il-baħar kien twil seba’ metri u erbatax-il ċentimetru, rekord rikonoxxut minn Guiness World of Records.
Meta l-kelb il-baħar inġarr fuq l-art u eżaminat, ġie skopert li kienet femminili. Meta nfetaħ l-utru, ġie skopert li ġimgħa biss qabel kienet welldet għaxart ifrieħ, wara 22 xahar ta’ tqala. Għalhekk bil-ġuħ sfrenat, belgħet dak kollu li rat quddiemha, kif inhu mifhum li l-klieb il-baħar jagħmlu wara li jwelldu. Fil-fatt, fl-istonku nstabu tliet speċi; fekruna, denfil u kelb il-baħar tat-tip Blue Shark.
Iżda x’sar minnu l-kelb il-baħar? Cutajar saħaq li kienet saret festa bl-ammont ta’ laħam li kien disponibbli u qal “morna l-pixkerija u hemm min ħa sitt darbiet minn tagħna għax kien vera tajjeb.”
Fortunatament, il-kelb il-baħar ma kisser l-ebda snien u għalhekk nistgħu ngawdu l-akbar xedaq ta’ kelb il-baħar Great White komplut fid-dinja. Illum il-ġurnata, ix-xedaq tal-kelb il-baħar jinsab fil-mużew tal-istorja u l-kultura tal-Gvern fil-gżira Għawdxija. Alfredo Cutajar se jibqa’ mfakkar bħala s-sajjied li naqqax ismu fl-istorja tal-klieb il-baħar tad-dinja.