Il-bdiewa u r-raħħala ‘mhux se joqogħdu’ għad-direttivi tal-UE
Iddiżappuntati, irrabjati u mweġġgħa. Il-bdiewa u r-raħħala jkellmu l-gazzetta ILLUM fuq ir-raġunijiet wara ż-żewġ protesti tagħhom
More in Socjali
Iddiżappuntati, irrabjati u mweġġgħa. Il-bdiewa u r-raħħala jkellmu l-gazzetta ILLUM fuq ir-raġunijiet wara ż-żewġ protesti tagħhom
Il-bdiewa u r-raħħala Maltin iridu lill-Gvern jieħu azzjoni għax huma mhux se joqogħdu għad-deċiżjonijiet li qed tieħu l-Unjoni Ewropea.
Jitkellmu mal-gazzetta ILLUM, bidwi u raħħal spjegaw għaliex ġew organizzati żewġ protesti mdaqqsa, wara 40 sena mill-aħħar protesta tagħhom.
Il-Ħamis numru kbir ta’ bdiewa u raħħala rħewlha għal għonq it-triq, minn Ta’ Qali għall-Belt Valletta, fi protesta kontra direttivi u proposti Ewropej imposti fuq il-Gvernijiet.
B’talbiet simili tal-ewwel protesta, nhar it-2 ta’ Frar, il-bdiewa u r-raħħala Maltin Għawdxin ingħaqdu ma’ bdiewa internazzjonali li qed jokorbu għal rappreżentazzjoni aħjar fi pjanijiet futuri li jistgħu jimpattawhom.
“Irridu nuru lill-UE li aħna m’aħniex lesti noqogħdu għad-deċiżjonijiet li tagħmel, speċjalment meta qalet li se tnaqqas ir-raba’ li jinħadem,” Noel Fenech qal.
Fenech, raħħal iżda wkoll il-President tal-koperattiva tal-produtturi tal-ħalib, saħaq li l-bdiewa u r-raħħala qed jiġu affettwati bil-kbir u speċjalment wara daħlet l-iskema ta’ Skambju tal-Emissjonijiet (EMS).
L-iskema Ewropea tal-EMS tagħmel parti mill-pakkett ‘Fit for 55’. Din l-iskema timponi spejjeż fuq l-industrija marittima, li taffettwa b’mod sinifikanti nazzjonijiet dipendenti fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni, fosthom gżejjer bħal Malta u Għawdex.
Fenech stqarr li t-tali skema, taffettwa l-prezzijiet tar-riżorsi tagħhom u ovvjament issa qed iħossu l-għafsa tagħha.
Mingħajr ma jidħol fiż-żieda tal-prezzijiet fi prodotti tal-ħalib, Fenech sostna li l-prezz għalihom qiegħed dejjem jitla’.
Ikompli miegħu bidwi Għawdxi, li ma xtaqtx jidher b’ismu, qal li għalkemm il-prezzijiet jogħlew, il-profitt mhux dejjem jimxi fl-istess direzzjoni.
‘Aħna qed nibżgħu li m’hemm ħadd jiċċekkja l-prodotti importati’
It-tnejn li huma qablu li hemm bżonn iktar infurzar fuq prodotti impurtati minn barra l-Ewropa.
“Il-Gvern irid jiċċekkja x’inhuma jdaħħlu minn dal-pajjiżi. Hemm bżonn infurzar”, qal il-bidwi. “Hemm bżonn li nagħfsu ħalli jsiru kontrolli ħorox,” Fenech tenna jgħid.
Bħala eżempju, il-bidwi spjega kif prodotti agrikoli Ewropej, bħal pereżempju larinġ, huwa mitlub li jidħol Malta bla weraq għal raġunijiet ta’ sigurtà u prekawzjoni ta’ mard. Intant, l-istess prodott impurtat minn barra l-UE qed jidħol Malta bil-weraq.
“L-istess għall-patata, suppost tidħol bla ħamrija ħalli ma nikkontaminawx tagħna, imma jien rajt patata impurtata minn barra l-UE li daħlet Malta bil-ħamrija,” qal il-bidwi.
Spjega li l-bdiewa Maltin qed isibu battalja kiefra biex jikkompetu ma’ bdiewa barranin, u fejn qabel bdew jikkompetu mal-Ewropej biss, issa se jkollhom jibdew jikkompetu ma’ dawk internazzjonali wkoll, speċjalment mill-Afrika ta’ fuq.
“Għal kuntrarju ta’ bidwi Malti, bdiewa barranin għandhom prezz tal-produzzjoni baxx, u ma jsegwux l-istess regoli imposti mill-UE. Lilna tolqotna, u qed titma’ l-velenu lin-nies.”
“Spanja hija importatur kbir ta’ prodotti agrikoli, u diġà qed tħoss li hemm xi ħaġa. Immaġina aħna.”
Mistoqsija x’hemm bżonn isir mill-Gvern, il-bidwi qal li “MEPs, taż-żewġ naħat, jaraw x’se jiffirmaw qabel ma jgħaffġu. Irid ikun hemm bżonn ta’ konsultazzjoni magħna”.
Irrikonoxxa s-sussidji li huma jingħawaw u semma li l-Gvern għandu joqgħod attent speċjalment meta jingħataw lil dawk li “mhumiex propja bdiewa” bħal dawk li jaħdmu biss il-qamħ fix-xitwa.
Bi frustazzjoni huwa żied jgħid li l-UE tinkoraġġixxi lill-bdiewa jkunu investituri, imma min-naħa l-oħra “taqtgħalhom saqajhom.”
Il-bidwi saħaq li l-Gvern ukoll irid juri l-pożizzjoni ċara tiegħu magħhom.
“Għalxejn ħa jiġi jgħidilna bil-qbiela u n-new water, li huma sewwa u naqbel magħhom, imbagħad ma jagħtix aktar kasna ... lilna ħa joqtluna.”
L-istess sentiment urieh Fenech, meta sostna mal-ILLUM li huma se “jmutu mewta naturali.”
Jindirizza l-kwistjoni tal-art, Fenech qal li jistenna li l-UE tifhem li Malta hi limitata u ma jistax bidwi jħalli raba’ vojt u ma jinħadimx, bħalma jista’ jseħħ f’pajjiżi ferm akbar.
‘Ma kontx qed nistennieh,’ Fenech fuq Robert Abela
Fl-ewwel protesta, minn quddiem il-vetturi agrikoli ħareġ il-Prim Ministru Robert Abela. Mistoqsija dwar dan, it-tnejn saħqu li ma stennewhx jiġi fosthom.
“Jien ma kontx qed nistennieh. Imma kienet xi ħaġa pożittiva immens” qal.
“Ma kontx naf li ġej, ħadt pjaċir nara li huwa interessat,” żied il-bidwi.
Skont Fenech, f’dik iż-żjara qasira Abela wegħedhom li se jevalwa l-affarijiet li qed jipprotestaw fuqhom, u se jara kif jgħin.
Kif ġie mifhum, Abela se jipprova jagħraf x’inhuma t-talbiet tal-bdiewa u r-raħħala bl-għan li aktar ’il quddiem jibdew xi laqgħat fuq dan ir-rigward.