Il-Ħamis, il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ta l-approvazzjoni għall-ewwel fażi tal-proġett tal-Kumpless tal-Motorsport, li se jiffoka fuq it-trakka tad-drag racing b’numru ta’ tibdiliet fil-faċilitajiet u t-trakka nnifisha.
L-ewwel fażi tat-trakka tal-Motorsports se tara titjib infrastrutturali fuq it-trakka eżistenti tad-drag racing, li se jwassal biex din il-faċilità issa tkun tista’ tiġi ċċertifikata mill-Federazzjoni Internazzjonali Awtomobilistika (FIA) u b’hekk tidħol b’mod uffiċjali fil-kalendarju tal-FIA.
B’dan ix-xogħol se jkun possibbli li t-trakka tospita attivitajiet ta’ livell internazzjonali tad-Drag Racing.
Ix-xogħol infrastrutturali jinkludi ċ-ċaqliq tat-torri biex it-trakka titwal, żieda fil-faċilitajiet u iktar miżuri ta’ sigurtà kemm għas-sewwieqa kif ukoll għall-ispettaturi, madwar it-trakka.
Se tiżdied ukoll il-parti tal-ispettaturi biex din issa tibda takkomoda 3,000 spettatur. Se jinbena mill-ġdid torri tal-kontroll, kif ukoll spazju għall-midja li se jkunu ta’ livell internazzjonali.
Se jkunu mibnija mill-ġdid il-faċilitajiet għas-sewwieqa, li se jkunu aktar moderni u li jinkludu dak kollu li jixraq lis-sewwieqa.
B’dan it-titjib li se jsir, it-trakka tad-drag racing se tkun l-aqwa faċilità tat-tip tagħha fil-Mediterran.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li l-approvazzjoni tal-lum mill-Awtorità tal-Ippjanar ġiet wara ħidma kbira li saret biex din il-ħolma issa se ssir realtà. “Il-fatt li issa x-xogħol se jibda fil-ġimgħat li ġejjin juri li l-impenn tal-Gvern f’dan il-proġett”, qal il-Ministru Grima.