F’konferenza stampa fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid kelliema tal-ADPD-The Green Party sostnew li hemm bżonn li tieqaf il-ħela ta’ flus f’infrastruttura li ma tkunx ippjanata sew.
Barra minn hekk għandu jkun hemm konsistenza fil-politika tal-gvern li jikkumbatti l-bidla fil-klima u jara kif se jonqos it-traffiku, li huwa l-ikbar kontributur għat-tniġġis fl-arja. ADPD sostna li “żvilupp tal-infrastruttura li ma jagħtix każ saħħet in-nies u tal-impatti klimatici hu ħela tar-riżorsi tal-pajjiż.”
Id-Deputat Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo qal li dak li seħħ fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid huwa “eżempju ċar ta’ kif b’nuqqas ta’ ippjanar jintefqu miljuni ta’ ewro li ... jwasslu għal degradazzjoni tal-istat oriġinali.”
Huwa kompla jfakkar fis-siġar li spiċċaw maqlugħa mill-pjazza u “minflokom tpoġġew numru ta’ qsari fi proġett li sewa mat-€3 miljun.”
ADPD kompla jgħid li “l-għan ewleni tal-proġett kien li il-pjazza ssir aktar aċċessibli għan-nies... jinkoraġġixxi sewqan b’aktar galbu u inqas traffiku.... imma bid-devjazzjoni għall-proġett tal-Marsa dan kollu sar suf.”
Il-kelliema qalu li l-proġett “suppost” kien ta’ skop kompattibbli mal-miri tal-politika klimatika tal-Gvern.
Cacopardo temm jgħid li “X’jiswa li jintefqu flejjes kbar fi proġetti bħal dan u mbagħad il-proġett isir nofs leħja?”
Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci qalet li n-nuqqas ta’ ħsieb huwa “ċajta” filwaqt li rreferiet għat-triq tal-Għadira li saru xogħlijiet fiha biex tkun “one lane, biex issa biddlu l-ħsieb u se jintefqu 7 miljuni ewro oħra biex tiġi 2 lane.”
Gauci kompliet tgħid li “dan it-tberbiq mill-flus... in-nuqqas ta’ ħsieb u l-inkonvenjent enormi... juri kemm min japprova dawn ix-xogħolijiet iktar mehdi f’vanity projects li jagħtu l-kuntratti lill-ħbieb milli f’infrastruttura effettiva.”
Gauci kompliet tgħid li “tenders għandhom jingħataw lil nies kapaċi” sabiex fondi pubbliċi jintużaw bil-galbu. “Il-ħniżrijiet xebbgħu lin-nies” saħqet waqt li enfasizzat l-importanza biex toroq jitranġaw u jitgawdew mill-poplu temmet tgħid Gauci.