Intervista | ‘Il-vijabbiltà tal-agrikoltura f’Malta hija dejjem ftit iktar mhedda’
B’sussidji mill-Gvern, għaliex jibqgħu jinsistu li s-settur tagħhom huwa mhedded? Fuq kollox, għaliex inti, bħala konsumatur, hemm bżonn turi appoġġ lill-bdiewa u r-raħħala lokali? Il-Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg iwieġeb ...
minn Elaine Camilleri
Fiż-żewġ protesti ġew diversi politikanti fosthom il-Prim Ministru, u l-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo. Taħseb li ġenwinament iridu jifhmu s-sitwazzjoni tagħkom u jaħdmu fuqha? Jew taħseb li kienet biss opportunità biex jidhru?
Ovvjament peress li lejliet elezzjoni tal-Parlament Ewropew, naħseb li l-PR ħadd ma jitilfu. Però, wara d-diskussjonijiet li kellna wara l-protesti, ix-xogħol qed jittieħed bis-serjetà u hemm rieda biex l-affarijiet jissolvew. Naħseb kienet daqsxejn mit-tnejn.
Argumenti li nġiebu minn bdiewa, anke barranin, huma li s-settur mhux sostenibbli biżżejjed, u li hemm bdiewa f’xifer il-faqar. Kemm hu minnu dan?
Iva, is-sostenniblita ta’ dan is-settur fl-UE hija mhedda, minħabba numru ta’ affarijiet. Il-fatt li l-ispejjeż qegħdin jogħlew ħafna għall-bdiewa Ewropej, u speċjalment għax aħna l-Maltin nazzjon insulari, b’sistema kumplikata ta’ trasport, tagħmlilna l-ispejjeż tagħna daqsxejn ogħla. Il-prezzijiet dejjem jibqgħu baxxi ħafna u jridu jikkompetu ma’ prezzijiet ta’ prodotti li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea li m’għandhomx l-ispejjeż u l-issikkar li għandhom il-bdiewa u r-raħħala Maltin u Ewropej. Naħseb li din is-sitwazzjoni mhijiex sostenibbli. Malta qegħdin bis-sostennibbiltà daqsxejn iktar mhedda li m’għandniex l-economies of scale u r-riżorsi li għandhom bdiewa u raħħala Rwropej ... li għandhom ħafna iktar art u ilma. Li għandhom katina organizzata. Sfortunatament, f’Malta għandna nuqqas ta’ dawn l-affarijiet kollha. Naħseb il-vijabbiltà ta’ dan is-settur f’Malta hija dejjem ftit iktar mhedda.
Ma tistax ma tirrikonoxxix li l-Gvern qed jagħti għajnuna lill-bdiewa b’sussidji fuq fuel, ilma u dawl. Allura x’qed iddejjaqkom?
Il-proposti li pproponejna fl-aħħar protesta kienu ħamsa. Fil-qosor, l-ewwel waħda kienet propju li l-prodotti li jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea li huma f’kompetizzjoni diretta mal-prodotti Maltin, ma jitħallewx jidħlu. Aħna qatt ma għedna li ma jitħallewx jidħlu prodotti tal-UE jew li ma jidħlux prodotti minn barra l-UE, jekk fl-Ewropa ma ssibhomx. Minħabba l-unfairness li hemm, bħalma għedna diġà li m’għandhomx l-issikkar li għandna aħna u l-gvernijiet jissussidjaw ħafna mill-ispejjeż li għandhom, naħseb li l-Gvern u l-UE jistgħu jgħinu ħafna lill-bdiewa u lir-raħħala Maltin u Ewropej jekk tirregola iktar x’inhu dieħel fl-Unjoni minn dawn il-pajjiżi.
Aħna naħsbu li s-sussidju li jagħti l-Gvern fuq l-ikbar spejjeż li għandhom il-bdiewa bħal fertilizzant, għandu jkun wieħed iktar b’saħħtu minħabba li l-ispejjeż huma kbar ħafna, u Malta hija pajjiż insulari. L-istess għall-magħlef u l-ġwież għar-raħħala. Għandna bżonn qafas ta’ għajnuna finanzjarja b’saħħitha biex inkunu kapaċi nikkompetu ma’ prodotti li ġejjin minn barra l-UE. Dawk huma tnejn min-numru ta’ proposti li pproponejna, u huma tnejn ta’ prijorità għaliex jekk isir hekk, ikun qed jgħin mhux ftit lis-settur agrikolu Malti.
Qalb l-għajta tal-għoli tal-ħajja ssib kritika li l-prodott lokali, il-ħxejjex, il-frott, u l-laħam, mhux irħas fil-prezz. Sintendi, il-familji jkollhom iduru għall-prodott barrani għax irħas. Għaliex il-prezzijiet lokali daqshekk għoljin?
Mhux dejjem il-każ. Hemm ħafna drabi fejn l-ikel Malti jkun ħafna irħas. Jiddependi mill-istaġun u min-numru ta’ setturi fis-suq. Ejja nżommu xi ħaġa f’moħħna. Jekk jiena mmur nordna bieb tal-aluminju u l-prezz ikun tliet darbiet ogħla mill-prezz li kien tani sena ilu, ngħidlu ‘illaħwa, x’ġara?’. Dan se jgħidli ‘għolew l-affarijiet minn barra u għola l-prezz tal-bieb’. Jien inbaxxi rasi u nħallsu.
Jekk jagħmlu hekk il-bdiewa u r-raħħala qisha waqgħet id-dinja. Nippretendu li l-bdiewa u r-raħħala jassorbu ż-żieda tal-ispejjeż huma. U ħafna drabi hekk jiġri. Il-prezz tal-prodott, il-persuna tan-nofs (middleman) tagħmlu mhux il-bdiewa, imma ż-żieda fl-ispejjeż huma reali u allaħares ma jkunx hemm daqsxejn żieda fil-prezz tal-konsumatur li jkun jista’ jerfa’ biċċa mill-piż ukoll.
Mhux dejjem jiġri hekk, għax qisna nassumu li għall-prodott ta’ ikel Malti, il-bdiewa u r-raħħala għandu jagħmel tajjeb għaż-żieda fl-ispejjeż. Iż-żieda fl-ispejjeż żdiedu ħafna u jekk mhux ħa jkun hemm xi forma ta’ għajnuna jew li l-konsumatur ikun kapaċi u lest jerfa’ biċċa żgħira miż-żieda fl-ispejjeż, mela żgur li l-bdiewa u r-raħħala jżarmaw kollha.
Meta tħares lejn l-iskema tal-Gvern fl-istabbiltà tal-ikel, taħseb li seta’ kien hemm lok għall-prodotti friski u lokali?
Iva. Il-Gvern ma qabadx u ddeċieda li jgħin f’dawk il-prodotti tal-ikel b’kumbinazzjoni, imma naħseb li huma l-iktar tipi ta’ ikel li jiġu kkunsmati mill-poplu Malti. Hija ironika għax m’hemm xejn Malti jew hemm ftit laħmijiet li jistgħu jiġu pprovduti minn provista lokali.
Mhux neċessarjament li jillimita l-prezz il-Gvern hija xi ħaġa pożittiva fuq il-produttur. Li jillimita l-prezz ifisser li l-produttur ma jkunx jista’ jċaqlaq il-prezz. Li tista’, xi ħaġa pożittiva però hi li jekk ikun hemm żieda tal-ispejjeż min-naħa tal-produttur, ma hemm xejn li jagħmel tajjeb għaliha. F’ħafna pajjiżi barranin, meta l-Gvern għamel xi ħaġa simili li taffettwa l-produtturi ta’ dak il-pajjiż, mhux bilfors li l-produtturi ħadu pjaċir. Bil-maqlub, li ġara huwa li l-Gvern illimita prodotti li jikkompetu mal-prodott lokali bħall-ħalib u kien hemm tnaqqis fix-xiri tal-ħalib Malti għax in-nies marru għall-irħas. Din l-iskema kellha impatt, mhux mill-aspett pożittiv għall-bdiewa u r-raħħala Maltin.
Bħala direttur tal-MCAST, kif tara l-futur tal-bdiewa? Lejn xiex inhu riesaq?
L-ewwel ħaġa naħseb li hija pożittiva għax hemm iktar konsolidament. Hemm inqas bdiewa jaħdmu iktar art u jipproduċu iktar. Dan huwa fenomenu li qed jiġri kullimkien. Hu inevitabbli għax hemm inqas bdiewa u inqas raħħala, u hemm l-istess ammont jew iktar nies jieklu. Hemm l-għajnuna tat-teknoloġija, għajnuna tal-automation. Hemm iktar għodda biex persuna waħda tkun tista’ tipproduċi iktar. Din hija t-trend li qegħdin naraw.
Trend oħra hija li dment li mhux ħa ssir xi ħaġa biex ninċentivaw lit-tfal tal-bdiewa, raħħala u sajjieda, naħseb li se niddependu iktar mill-prodott impurtat. Għandna bżonn xi ħaġa urġenti, mhux neċessarjament inġibu demm ġdid, għalkemm dak importanti ukoll, imma lit-tfal tal-bdiewa, raħħala u sajjieda; li dawn għandhom diġà r-riżorsi u l-infastruttura li ħallewlhom il-ġenituri tagħhom, jagħżlu li b’xi forma jew oħra jkomplu jaħdmu l-art. Mhux li jitilqu mix-xogħol full-time, imma li l-produzzjoni tar-raba’ tagħhom tkompli. Il-pajjiż għandu bżonn li r-riżorsi tal-ikel inkomplu nużawhom u żgur li hemm bżonn xi ħaġa urġentissima.
Sorsi qalu lil din il-gazzetta li minkejja li l-Benna żiedet darbtejn il-prezzijiet tal-ħalib, ir-raħħala mhux jieħdu flus minn din iż-żieda. Kellmukom raħħala? X’inhi s-sitwazzjoni?
M’iniex l-iktar persuna ideali li nirrispondi din il-mistoqsija minħabba li jien ma nirrappreżentax il-koperattiv. Imma iva, smajt b’hekk ukoll u qed nispera li r-raħħal jieħu xi ħaġa minn din iż-żieda fil-prezz tal-ħalib. Jekk ma jkollniex ir-raħħala b’saħħithom, ma jkunx hemm produzzjoni tal-ħalib u għal xi ħaġa daqshekk bażika bħall-ħalib, allaħares inkomplu niddependu mill-prodott impurtat u nżidu d-dipendenza fuq prodott impurtat. Nispera li jkun imisshom xi ħaġa ħalli naraw lil dawn ir-raħħala li jipprovdulna ħalib frisk ikomplu jsaħħu l-produzzjoni tagħhom għax ikun ta’ ġid għalihom u għall-pajjiż kollu.
Fejn waslu d-diskussjonijiet?
Ma nafx ngħidlek bl-amment imma naf li hemm żviluppi kontinwi. Ma nafx ngħidlek id-dettalji.
Rajna temp estrem matul is-sena kollha. Issa rajna wkoll is-silġ ukoll. X’effett iħalli dan it-tip ta’ temp fuq il-produzzjoni agrikola?
Il-produzzjoni ta’ pjanti qiegħda barra. Kwalunkwe temp estrem ħa jaffettwahom. L-isfortuna hija li t-temp estrem qed iżid fil-frekwenza tiegħu minħabba t-tibdil fil-klima u l-produtturi qed jiġu affettwati kull sena. Kemm jekk hija n-nixfa esaġerata u mewġiet twal ta’ sħana, kemm jekk huma maltempati bi frekwenzi iktar għoljin, u kemm jekk huwa silġ u riħ qawwi. Kwalunkwe estremità tat-temp ħa taffettwa b’mod ħażin lis-settur agrikolu. Is-settur agrikolu m’għandux assigurazzjoni jiġifieri meta ssir il-ħsara, il-bidwi ma jistax idur fuq kumpanija biex tagħmillu tajjeb għall-ħsara li tkun saret u allura jrid ixammar il-kmiem u jerġa’ jibda. Naħseb li anke bħan-nixfiet li qegħdin naraw, qed ikollhom effett sinifikanti fuq il-produzzjoni imma anke fuq il-profitti tal-produtturi. Pereżempju, jekk ma tagħmilx ix-xita, il-bidwi ħa jkollu jsaqqi iktar u ħa jiżdidulu l-ispejjeż tal-ippumpjar tal-ilma. Iva, qed ikollu effett negattiv, speċjalment meta tagħmel maltempata tagħmel ħafna ħsara u allura nispera li jkun hemm xi forma ta’ assigurazzjoni għall-produtturi biex din iż-żieda ta’ frekwenza ta’ dawn il-ħsarat għall-inqas tkun koperta minn xi forma ta’ struttura li tagħmel tajjeb għal dan.
Meta l-Gvern kien qed jaħdem fuq il-liġi tal-qbiela, il-gazzetta ILLUM żvelat li hemm art li ma tinħadimx u tinkera b’mod rikreattiv. Għadu l-każ?
Sfortunatament, għadu l-każ. Jekk tidħol fuq Facebook għadek tara raba’ li qed jiġi mibjugħ bi prezzijiet oxxeni għal raġunijiet rikreattivi. Ftit taż-żmien ilu kien hemm statistika tal-Eurostat li wriet li l-prezz tar-raba’ f’Malta huwa l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Minħabba spekulazzjoni, l-art agrikola qed tintuża għal skopijiet mhux agrikoli. Din hija pjaga li taffettwa lis-settur. Naf ħafna bdiewa li jixtiequ jkabbru l-operat tagħhom u jipproduċu iktar imma ma jaffordjawx li jixtru r-raba’ b’dawn il-prezzijiet. L-użu tal-art agrikola għal skopijiet rikreattivi għadu għaddej u qed ikollu impatt negattiv ħafna fuq is-settur.
Taħseb li hawnhekk, l-idea tal-UE, fejn toffri somma ta’ flus fuq art biex ma tinħadimx sabiex ngħinu l-bijodiversità, tista’ tkun soluzzjoni għal dawn il-każijiet?
Hija waħda mis-soluzzjonijiet f’Malta, speċjalment fejn għandna nuqqas kbir ta’ art agrikola li tagħti somma daqshekk kbira ta’ €250 biex ma tinħadimx l-art, biex titnaqqas il-produttività tal-art hija ġennata. Għandna ninċentivaw u noħolqu skemi, mhux biex ma tinħadimx l-art, biex nidentifikaw l-art li mhux qed tinħadem u nippruvaw inlaqqgħuha ma’ bdiewa li jridu iktar art biex jaħdmu. Dik li għandna nagħmlu biex inżidu l-produttività u l-produzzjoni tal-ikel mhux bil-maqlub. Dik hija waħda mis-soluzzjonijiet biex inżidu l-produttività u biex min irid ikabbar l-operat tiegħu u jipproduċi iktar ikel għall-pajjiż, ikun kapaċi jagħmel dan.