Tnieda l-Programm Kulturali għall-2024, tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, miżgħud b’avvenimenti kulturali ta’ livell għoli fil-qalba tal-Belt Valletta u fil-Port il-Kbir.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal, “Dan il-programm se jkun qed joffri spettaklu diversifikat bis-sehem ta’ bosta artisti lokali u internazzjonali, propju fil-qalba tal-Belt Valletta. Investiment dirett u kontinwu fis-settur kulturali u kreattiv li qiegħed ikompli jiżviluppa u jikber, b’tali mod li qed isir dejjem iktar aċċessibbli għall-artisti, il-kreattivi u s-soċjetà tagħna kollha kemm hi.”
Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micalled sostna, “L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fasslet bir-reqqa programm mill-qalb.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone spjegat, “Fis-snin li għaddew, il-VCA kkultivat diversi kollaborazzjonijiet kulturali kemm internazzjonali kif ukoll lokali u din is-sena ser tkompli tagħmel dan permezz tar-Requiem ta’ Verdi fost ħafna proġetti oħra. Permezz ta’ dan, l-Aġenzija tkompli tikkonferma l-missjoni tagħha li tagħti vuċi lill-kultura fid-diversi forom tagħha għal kulħadd”.
Tħabbar ukoll li ser titella’ L-Għanja li Ħadd Ma Jsikket - Ray Mahoney – li tfakkar wieħed mill-ġganti fil-letteratura u l-poeżija Maltija.
Din is-sena ser naraw ukoll il-Valletta Pageant of the Seas – festival fil-Port il-Kbir li jiġi organizzat kull sentejn kif ukoll r-Requiem ta’ Verdi, avveniment ewlieni fil-programm li qed jittella’ b’kollaborazzjoni mal-Kor prestiġjuż tal-Accademia Nazionale di Santa Cecilia ta’ Ruma. Dan ser jingħaqad ma’ KorMalta, il-Malta Philharmonic Orchestra u erba’ solisti - tnejn minnhom Maltin - stabbiliti fix-xena internazzjonali.
Matul il-Ġimgħa Mqaddsa ser tittella’ installazzjoni tradizzjonali permezz ta’ mijiet ta’ fjakkoli fi Pjazza San Ġorġ filwaqt li ser nassistu għall-produzzjoni mtella’ mill-personalitajiet teatrali magħrufa Joseph Galea u Carlos Farrugia. Filwaqt li tmur lil hinn mit-tradizzjonali, Tarah Wiċċ Alla tgħaddi messaġġ favur id-donazzjoni tal-organi - dramm li jorbot l-arti mas-sejħa vitali tal-ħajja.
L-10 edizzjoni tal-Valletta Green Festival ser jiġi ċċelebrat f’Mejju u ser jinħoloq ġnien fantastiku f’wieħed mill-ispazji miftuħa ewlenin tal-Kapitali. Il-Programm Kulturali jinkludi bosta kollaborazzjonijiet oħra fuq skala kbira li ftit li xejn jeħtieġu introduzzjoni fosthom Opera in the Capital u l-Valletta Local Food Festival, kif ukoll bosta esibizzjonijiet, kunċerti u produzzjonijiet teatrali.
L-Aġenzija se tkun qed taħdem ukoll fuq esibizzjoni retrospettiva li tinkludi madwar 30 xogħol figurattiv u astratt tal-artist lokali Anthony Spagnol.
Il-programm ta’ Strada Stretta jkompli bi Tribute to the Roots, il-wirja Simple Expressions of Complex Thoughts, Soundscapes, Imnarja Kubana, Strait to the Blues, Definitely Dylan, Strada Stretta Styles u Holidays Rock! Sadanittant, il-Valletta Design Cluster ikompli jwaħħad l-arti u d-disinn u jistieden lid-disinjaturi, studenti u kull minn hu midħla tal-qasam biex jissieħeb f’dan il-programm ta’ taħdidiet, korsijiet u ħafna aktar. Għal aktar informazzjoni dwar l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-Programm Kulturali tagħha żur vca.gov.mt/mt/events u l-paġna ta’ Facebook tal-Aġenzija.