L-Enemalta ħabbret sejħa għall-offerti għall-iżvilupp taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tas-Siġġiewi bil-għan li ssaħħaħ is-servizzi tal-elettriku.
Din l-inizjattiva hija parti mill-pjan usa’ ta’ sitt snin ta’ tisħiħ tan-netwerk tal-Enemalta, li jinkludi l-ikkummissjonar ta’ erba’ ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda biex itejbu s-servizzi tal-elettriku madwar Malta u Għawdex.
Is-Sajf li għadda, ippersistew serje ta’ qtugħ tad-dawl madwar il-pajjiż matul l-iktar ġranat sħan tas-sena.
Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Enerġija qal li ċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tas-Siġġiewi huwa maħsub biex iżid il-kapaċità fin-netwerk tal-elettriku li jservi lis-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, iż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba, u l-inħawi tal-madwar.
Il-ministeru sostna li t-tkabbir ekonomiku, it-tibdil fil-klima, iż-żieda fl-użu tal-elettriku konessi mal-grid li jużaw familji u negozji jeħtieġ ikun aktar reżiljenti.
Biex tilqa’ dawn l-isfidi, l-Enemalta qed tippjana li titriplika l-investimenti tagħha fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku fl-2024, b’total ta’ €55 miljun.
Ryan Fava, Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, saħaq li ċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tas-Siġġiewi se jkollu żewġ transformers ta’ 30 MVA, żewġ switchgear rooms, u tagħmir addizzjonali ta’ kontroll u protezzjoni. “L-iżvilupp tagħha se jżid ukoll il-flessibbiltà tan-netwerk f’partijiet oħra ta’ Malta billi jtaffi l-piż fuq iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni li bħalissa qed ifornu s-Siġġiewi u l-lokalitajiet tal-madwar, inklużi dawk f’Ħal Kirkop, Ħal Far, il-Mosta u l-Marsa (Nofsinhar).”
“Permezz tal-pjan ta’ sitt snin tagħha, l-Enemalta qed taħdem biex tikkonsolida l-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex, biex tkompli ttejjeb il-kwalità u l-affidabbiltà tas-servizzi tal-elettriku tagħha,” qalet il-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli.
Il-pjanijiet tal-Enemalta jestendu lil hinn mill-proġett tas-Siġġiewi, bi pjanijiet avvanzati għall-iżvilupp taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tan-Naxxar u titjib kontinwu f’diversi ċentri ta’ distribuzzjoni, fosthom l-Imsida, Sant’Andrija, u Buġibba.