Tlesta r-rapport finali tal-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia u se jkun ippreżentat lill-Prim Ministru fil-jiem li ġejjin.
Il-bord ta’ inkjesta mmexxi mill-Ombudsman Joseph Zammit McKeon ikkonkluda s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, qalu sorsi li jafu l-investigazzjoni.
Nhar it-Tnejn, tħabbar li r-rapport se jingħata lill-Prim Ministru fl-10:00am nhar l-Erbgħa 28 ta’ Frar. Ftit wara dan, il-familja ta’ Jean Paul Sofia se tirċievi wkoll kopja tar-rapport.
Il-bord ta’ inkjesta jinkludi wkoll l-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-perit Mario Cassar bħala membri. Din twaqqfet f’Awwissu tas-sena l-oħra wara li l-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar ċeda għat-talbiet tal-familja tal-vittma biex issir inkjesta pubblika.
Jean Paul Sofia ta’ 20 sena miet fit-3 ta’ Diċembru 2022 meta waqa’ bini li kien għadu qed jinbena fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.
Ħames persuni – il-perit tal-proġett, żewġ żviluppaturi u żewġ kuntratturi – ġew akkużati f’Lulju 2023 b’omiċidju involontarju, falsifikazzjoni u negliġenza. Il-kawżi kontrihom għadhom għaddejjin.
Il-ġenituri ta’ Sofia kienu talbu li ssir inkjesta pubblika biex jiġi stabbilit jekk il-mewt ta’ binhom kinitx ukoll ir-riżultat ta’ nuqqasijiet mill-Istat li jirregola l-industrija tal-kostruzzjoni kif suppost.
Il-Prim Ministru kien irrifjuta t-talba u l-grupp parlamentari tal-Partit Laburista kien saħansitra vvota kontra mozzjoni tal-Oppożizzjoni fil-parlament biex titwaqqaf inkjesta pubblika.
Abela eventwalment biddel fehemtu ftit tal-jiem wara eżatt qabel ma ssejħet protesta kbira barra l-Berġa ta’ Kastilja.
L-inkjesta pubblika kellha l-kompitu li tinvestiga diversi aspetti, fosthom kif l-art pubblika fejn kien hemm il-bini mġarraf ġiet trasferita lill-iżviluppaturi; jekk l-Istat kienx daħħal fis-seħħ liġijiet biex jirregola s-saħħa u s-sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni u jekk dawn ġewx infurzati b'mod effettiv; u jekk xi entità tal-Istat inkarigata li tinforza u tirregola s-settur tal-kostruzzjoni naqsetx mid-dmirijiet tagħha.
Il-bord ta’ inkjesta ntalbet ukoll jagħmel rakkomandazzjonijiet biex jissaħħu l-proċeduri tas-saħħa u s-sigurtà fuq is-siti ta’ kostruzzjoni.
Skont it-termini ta’ referenza l-Prim Ministru huwa obbligat jippubblika r-rapport tal-inkjesta fi żmien tlett ijiem minn meta jirċievih u jekk jonqos milli jagħmel dan, il-bord għandu l-awtorità li jippubblikah hu stess.
Il-bord sema’ 69 xhud, li rriżultaw f’madwar 1,000 paġna ta’ traskrizzjonijiet. Barra minn hekk, il-bord kellu wkoll xi 1,800 paġna ta’ dokumenti.