Studenti mill-Malta College for Arts, Science, and Technology (MCAST) ħabbru protesta mhux tas-soltu, imsejħa “Picnic on the Road”, biex jesprimu l-frustrazzjoni tagħhom għall-kriżi edukattiva li ilha tgħaddi minnha l-istituzzjoni.
Din l-attività ser issir nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Novembru, fis-11:45am, quddiem il-binja tal-MCAST fil-Mosta, biswit il-Lidl. Il-protesta hija parti mill-kampanja “Tuna Edukazzjoni”, li għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw l-istudenti minħabba azzjoni industrijali mill-Malta Union of Teachers (MUT).
L-istudenti qed jitolbu intervent immedjat mill-Gvern biex isolvi s-sitwazzjoni li ħallithom f’limbu akkademiku għal kważi xahrejn. Mill-4 ta’ Ottubru 2024, id-direttivi tal-MUT wasslu għal tfixkil kbir fil-korsijiet tal-MCAST, b’għalliema jirrestrinġu l-komunikazzjoni ma’ management u studenti għal ħinijiet speċifiċi. Barra minn hekk, l-assenjazzjonijiet u l-markaġġ tal-eżamijiet baqgħu ma sarux, u dan qed iżomm lill-istudenti milli jkomplu bl-istudji tagħhom.
Fost il-biżgħat tal-istudenti hemm l-użu ta’ “administrative passes” biex jgħaddu għal-livell li jmiss. Skont l-istudenti, dan jista’ jħalli impatt negattiv fuq il-kwalità tal-edukazzjoni tagħhom.
It-tim wara l-kampanja “Tuna Edukazzjoni” qed jisħaq fuq id-drittijiet tal-istudenti filwaqt li jesprimi solidarjetà mal-edukaturi tal-MCAST. Il-miri ewlenin tal-kampanja jinkludu:
- Assigurazzjoni ta’ djalogu konsistenti bejn il-fakultà, l-istudenti, u l-management.
- Approvazzjoni immedjata ta’ briefs għall-assenjazzjonijiet u l-markaġġ tal-korsijiet pendenti.
- Tmiem tal-użu ta’ soluzzjonijiet amministrattivi li jimminaw l-istandards edukattivi.
L-istudenti enfasizzaw li jifhmu l-isfidi li qed jiffaċċjaw l-għalliema u jaqblu li t-talbiet tagħhom għal kundizzjonijiet aħjar huma essenzjali biex tissolva l-kriżi. Madankollu, huma qed jappellaw lil management tal-MCAST u lill-Gvern biex jidħlu f’diskussjonijiet mal-MUT u jsibu soluzzjoni b’urġenza.