F’Għawdex: Ir-Rabat bl-ogħla aċċidenti tat-traffiku li kkawżaw ġrieħi fl-2023
Ir-Rabat kienet l-iktar lokalità Għawdxija b’aċċidenti bi ġrieħi b'total ta' 37 inċident is-sena li għaddiet
More in Socjali
Ir-Rabat kienet l-iktar lokalità Għawdxija b’aċċidenti bi ġrieħi b'total ta' 37 inċident is-sena li għaddiet
Fil-kapitali ta’ Għawdex, ir-Rabat, kien hemm 37 aċċident li wassal għal ġrieħi. Dan ifisser li r-Rabat kienet l-iktar lokalità Għawdxija b’aċċidenti bi ġrieħi.
F’numri ppreżentati fuq il-mejda tal-Kamra, insibu 116-il inċident irrappurtat madwar Għawdex.
Isegwu wara r-Rabat hemm ix-Xewkija u Għajnsielem, bi 15 u 13-il inċident irrappurtat, rispettivament. In-Nadur u x-Xagħra kellhom total ta’ 14 u 7 inċidenti.
Intant, ċerti bliet bħall-Fontana, il-Munxar, San Lawrenz, u Ta’ Sannat jirrappurtaw inċidenti minimi, b’1 jew 4 każi biss kull wieħed.
Kien l-MP Nazzjonalista Chris Said illi staqsa lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku ġewwa Għawdex li fihom hemm persuni li sofrew ġrieħi matul l-2023 u jaqsmu din l-informazzjoni lokalità lokalità.
Xi rrapportat il-gazzetta ILLUM?
Skont informazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) matul ir-raba’ kwart tal-2023, in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku rrappurtati żdiedu għal 3,977; żieda ta’ 4.2% fuq l-istess perjodu fl-2022.
B’mod korrispondenti, il-vittmi tat-traffiku fit-toroq żdiedu bi 12%, għal total ta’ 427 matul l-istess perjodu. Individwi midruba gravi kienu jammontaw għal 110 każijiet filwaqt li l-fatalitajiet inkludew tliet sewwieqa u erba’ persuni li kienu mixjin.
Barra minn hekk, l-istatistika tiżvela li l-karozzi tal-passiġġieri kienu involuti fil-maġġoranza tal-vittmi tat-traffiku fit-toroq, segwiti minn muturi u vetturi li jġorru l-merkanzija.
Fuq skala annwali, l-2023 rat total ta’ 16-il fatalità, li jimmarka tnaqqis ta’ 12-il fatalità meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Madankollu, l-inċidenti ta’ korriment irrappurtati żdiedu bi 3.7%, li jammontaw għal 1,390 każ. Barra minn hekk, l-inċidenti mingħajr korriment żdiedu b’4.5%, b’total ta’ 15,024 każ.