Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jinvestiga n-nomina ta’ Aaron Farrugia u l-aċċettazzjoni eventwali bħala Ambaxxatur ta’ Malta għall- Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
F’ittra lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jiġbed l-attenzjoni li n-nomina tal-Eks Ministru Aaron Farrugia bħala Ambaxxatur hija “fundamentalment ħażina” u tmur kontra d-direzzjoni li ta l-istess Kummissarju biex tispiċċa “il-prattika li deputati parlamentari backbenchers jingħataw impiegi jew konsulenzi mal-gvern”.
Il-PN fakkar f’rapport li kien kiteb George Hyzler fl-2019, u ddeskriva l-prattika li backbenchers jingħataw pożizzjonijiet mal-Gvern bħala “fundamentalment ħażina” u qal ċar u tond li din il-prattika “għandha tispiċċa”.
Fl-istqarrija jingħad li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kien osserva li l-ingaġġ mal-gvern ta’ deputati parlamentari backbenchers “huwa meqjus bħala mezz ta’ konsolazzjoni għad-deputati li ma jinħatrux ministri jew segretarji parlamentari, jew bħala kumpens għall-paga baxxa li jitħallsu bħala deputati”.
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Kummissarju jgħid lill-membri ta’ dan il-kumitat jekk is-smigħ fih innifsu u l-għoti ta’ parir favur il-ħatra ta’ Aaron Farrugia bħala Ambaxxatur jiksrux l-etika jew il-liġi.