Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-programm Spring Time in Gozo 2024, programm kulturali varjat li se jkun mifrux fuq sitt ġimgħat u li se jolqot il-gosti tal-familja kollha.
Uħud mill-attivitajiet li se jiġu organizzati bħala parti minn dan il-programm jinkludu Science in the Citadel, il-kunċert Memorji, l-Opra La Bohème, Lejl Imkebbes u l-Malta International Fireworks Festival Gozo Special, fost attivitajiet oħra.
Il-Ministru Camilleri qal li "L-għan tagħna huwa li nagħtu valur miżjud lil dawk kollha li jżuru Għawdex, kemm min jiġi għall-mistrieħ mal-familja jew mal-ħbieb kif ukoll dawk li jiġu għax-xogħol."
Huwa kompla jgħid li r-rebbiegħa huwa ż-żmien ideali sabiex wieħed iżur il-gżira Għawdxija u jipparteċipa fl-attivitajiet fil-beraħ hekk kif dan l-istaġun, bħal f’ħafna reġjuni oħra Mediterranji, huwa staġun ikkaratterizzat minn temp sabiħ.
Il-Ministru Camilleri temm jgħid li dan kollu jawgura tajjeb għas-sajf li ġej, l-istaġun l-aktar popolari f’Għawdex, fejn in-nies tal-lokal u t-turisti se jkollhom l-opportunità jgawdu l-istorja rikka, il-bajjiet sbieħ, l-esperjenza kulinari, u l-firxa vasta ta’ avvenimenti li d-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru qed iħejji, biex l-esperjenza f’Għawdex tkun waħda memorabbli.