Frar jagħlaq ix-xitwa meteoroloġika b'temperatura ogħla mill-medja
It-temperatura medja bejn Diċembru u Frar kienet ta’ 14.8°C, hekk kif Frar kien ukoll aktar sħun min-norma klimatika
More in Socjali
It-temperatura medja bejn Diċembru u Frar kienet ta’ 14.8°C, hekk kif Frar kien ukoll aktar sħun min-norma klimatika
Skont l-Uffiċċju Metereoloġiku, Frar li għadda ma tantx għamel tajjeb għat-temperaturi relattivament sħan li ġabu magħhom ix-xahrejn ta’ qablu. Dan wassal biex ix-xitwa meteoroloġika, li għadha kif intemmet, tniżżlet (ma’ dik tal-2007) bħala l-aktar waħda sħuna fuq ir-rekords tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, b’temperatura medja ta’ 14.8°C.
Frar 2024 kien 1.7°C aktar sħun min-norma klimatika ta’ 12.6°C. Is-sitt jum ta’ Frar ġab miegħu togħma ċkejkna tas-sajf, hekk kif l-ogħla temperatura baqgħet tiela’ sa 20.5°C; kważi 8°C aktar mit-temperatura medja għal dan iż-żmien tas-sena.
Madanakollu, Frar tal-1960 għad għandu f’idu r-rekord għall-aktar temperatura sħuna mkejla matul ix-xahar, meta l-merkurju baqa’ tiela’ sa 26.7°C.
Mill-banda l-oħra, l-inqas temperatura mkejla matul ix-xahar li għadda niżlet sa 7.4°C fis-16 ta’ Frar. Kiesħa mhux ħażin, iżda mhi xejn ħdejn it-temperatura ta’ 1.7 °C mkejla fi Frar tal-1956.
Frar fawwar jimla l-bjar jgħid il-Malti. Iżda mhux din is-sena hekk kif tkejlu biss 38.6 mm xita, jiġifieri 30.3 mm inqas min-norma klimatika.
Aktar min-nofs ix-xita kollha li tkejlet matul ix-xahar li għadda niżlet f’temp ta’ 24 siegħa fl-24 ta’ Frar.
Matul Frar tkejlu ftit aktar minn 200.1 siegħa xemxija, jew 13.4 sigħat xemxin aktar min-norma klimatika.
L-iktar jum imdawwal kien it-18 ta’ Frar u tkelju 10.2 sigħat xemxin. Dan għall-kuntrarju tas-Sibt tal-Karnival, li din is-sena ħabat nhar l-10 ta’ Frar, meta matul il-ġurnata, ix-xemx baqgħet moħbija. Dakinhar, diversi lokalitajiet intlaqtu minn ħalbiet qawwija tas-silġ.
Il-qawwa medja tar-riħ kienet ta’ 9.6 knots; jiġifieri kważi fl-istess livell tan-norma klimatika ta’ 9.4 knots.
Fil-25 ta’ Frar, mill-Punent Kwarta Majjistral, tkejlet l-aktar buffura ta’ riħ b’saħħitha li laħqet il-45 knot.