Matul l-2023, Premier Restaurants Malta, il-kumpanija li topera McDonald’s f’Malta, irnexxielha tnaqqas 15-il tunnellata ta’ plastik mormi bħala parti mill-mira tagħha li telimina għal kollox il-plastik mill-operat tagħha sa l-2025.
McDonald’s qed tikseb dan is-suċċess bl-għajnuna ta’ strateġiji differenti fosthom billi qed telimina packaging mhux bżonnjuż u plastik magħmul minn fjuwils fossili, billi qed iżżid l-użu ta’ materjali riċiklati, billi qed tagħmilha iżjed faċli għall-klijenti li jirriċiklaw u permezz ta’ partnerships strateġiċi ma’ ditti oħrajn li għandhom l-istess impenn.
Sa mill-2018, McDonald’s diġa rnexxielha tnaqqas bin-nofs il-plastik fil-ġugarelli tal-Happy Meal li jitqassmu mad-dinja kollha. Inizjattivi oħra kienu jinkludu l-introduzzjoni ta’ straws tal-karta, it-tneħħija ta’ għotjien tal-plastik mhux bżonnjużi u l-introduzzjoni ta’ salad boxes u pożati magħmula minn materjal rinovabbli.
F’Malta, Premier Restaurants irnexxielha tilħaq il-mira li tirriċikla 70% ta’ l-iskart tagħha u li tindroduċi separazzjoni ta’ l-iskart kemm fil-kċejjen u fil-lobby tar-ristoranti.
Madwar id-dinja, McDonald’s qabżet it-80% tal-vjaġġ tagħha sabiex 100% tal-packaging kollu tagħha jkun ġej minn materjali rinovabbli, riċiklati jew ċertifikati.
Il-kumpanija ilha wkoll mill-2019 tfittex li tuża alternattivi iżjed sostenibbli għall-packaging ewlieni tagħha, u filfatt evitat li takkwista u tqassam madwar 15-il tunnellata ta’ plastik tal-packaging fis-sena.