Imnedija l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali 2025 – 2030

"L-għan huwa li s-sistema edukattiva ta’ Malta tingħata s-setgħa li trawwem individwi li huma diġitalment litterati, adattabbli u lesti biex jilqgħu l-isfidi tal-futur"

(Ritratt: Dipartiment tal-Informazzjoni)
(Ritratt: Dipartiment tal-Informazzjoni)

“Din l-istrateġija hija impenn li jiggwidana lejn futur fejn il-kompetenzi diġitali mhumiex biss imħeġġa imma inkorporati fl-istess qafas tas-sistema edukattiva tagħna. Hija r-responsabbiltà kollettiva tagħna li niżguraw li kull individwu, irrispettivament mill-isfond jew mill-istatus soċjoekonomiku, ikollu aċċess ugwali għal edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta dalgħodu nieda l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali 2025-2030.

L-istrateġija, li hija marbuta mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030, tnediet wara konsultazzjoni wiesgħa mal-imsieħba kollha fis-settur. Din tenfasizza l-ħidma biex kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti jkomplu jitħejjew biex jamministraw il-kumplessitajiet tal-era diġitali b’mod responsabbli. Dan mhuwiex biss dwar il-kisba ta’ ħiliet tekniċi iżda t-tnissil ta’ mentalità li trawwem l-adattabilità, il-ħsieb kritiku, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod etiku.

L-istrateġija għandha erba’ pilastri:

  1. L-ewwel pilastru: Inrawmu Ċittadini Diġitali Globali;
  2. It-tieni: Insaħħu lill-Edukaturi għas-Seklu 21;
  3. It-tielet pilastru: Impenn u Kollaborazzjoni tal-Komunità; u
  4. Ir-raba’: lntejbu r-Riżorsi Diġitali.

Permezz ta’ dawn l-erba’ pilastri, l-għan huwa li s-sistema edukattiva ta’ Malta tingħata s-setgħa li trawwem individwi li huma diġitalment litterati, adattabbli u lesti biex jilqgħu l-isfidi tal-futur. L-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali hija pjan direzzjonali għal sistema edukattiva aktar dinamika, inklużiva, u diġitalment avvanzata għall-istudenti.

Fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 hemm ċar il-ħidma li għandha ssir, dik li jkun provdut il-qafas neċessarju għall-adozzjoni ta’ ħiliet diġitali tas-seklu 21, speċjalment dawk ta’ tħejjija diġitali, benesseri diġitali u ċittadinanza diġitali. Dawn huma trattati f’din l-istrateġija li tnediet illum.

“Apparti l-objettivi tal-istrateġija hemm ukoll pjan ta’ azzjoni biex din tiffoka fuq il-provvista tal-kompetenzi diġitali bażiċi minn etajiet bikrija, l-appoġġ għal dawk li għadhom lura u l-avvanz tal-edukazzjoni tal-computing għall-ekonomija diġitali”, qal il-Ministru Grima. Huwa semma wkoll ħidma li qed issir f’dan is-settur edukattiv, fosthom it-tqassim tat-two-in-one devices u wkoll il-ħidma li qed issir biex jitqassmu laptops lill-istudenti. Apparti dan, il-Ministru Grima tkellem dwar setturi oħrajn, fosthom l-AI u t-trasformazzjoni ta’ dik li kienet Teleskola għal eSkola.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, Matthew Vella qal, “It-teknoloġija m’għadhiex lussu iżda saret essenzjali. Il-litteriżmu diġitali huwa pedament kruċjali għall-inkluzjoni soċjali, il-progress ekonomiku u l-parteċipazzjoni demokratika. Din l-istrategija li ġiet żviluppata tiżgura li kull student, irrispettivament mill-isfond tiegħu, ikollu aċċess għal edukazzjoni diġitali ta’ kwalità u li Malta tibqa’ mexxejja fil-qasam tal-innovazzjoni diġitali. Strateġija li tinkludi 16-il miżura u 50 azzjoni strateġika, kull waħda bi skeda ta’ żmien u responsabbiltajiet ċari.

Fil-bidu saret introduzzjoni dwar l-Istrateġija minn Neil Attard, Direttur tad-Dipartiment Digital Literacy and Transversal Skills fil-Ministeru għall-Edukazzjoni.

More in Socjali