Malta għandha bżonn iżjed trasparenza u governanza tajba, jgħid Chris Vassallo Cesareo fl-aħħar indirizz tiegħu bħala president tal-Kamra tal-Kummerċ.
Huwa kien qed jitkellem fil-laqgħa ġenerali annwali li fiha ttellaq il-proċess għall-elezzjonijiet għall-president u l-membri tal-kunsill tal-Kamra għas-sentejn li jmiss.
“Huwa importanti li aħna nkomplu naħdmu lejn kunsens li jagħti prijorità lill-kwalità fuq il-kwantità, li naħdmu lejn livelli ta’ produzzjoni ogħla, iżjed trasparenza u governanza tajba fit-tmexxija ta’ kuljum tal-pajjiż,” qal Vassallo Cesareo.
Vassallo Cesareo li laħaq president tal-Kamra fl-2023, kien qal dakinhar li l-valuri li ħa jimxi fuqhom waqt il-presidenza tiegħu huma l-kompetitività u governanza tajba.
Waqt il-laqgħa tkellmet il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli. “Fis-sena li jmiss, aħna ħa nkomplu nżiedu l-kwalità u l-valur ta’ dak li nagħtu lil memri tagħna,” hi qalet. Portelli tkellmet ukoll fuq il-kisbiet tal-Kamra tal-Kummerċ fis-sena li għaddiet, b’proġetti u inizjattivi li kienu ta’ suċċess.
Qabel il-laqgħa, Fredrick Persson il-President ta’ Business Europe qal, “tista sserraħ rasek li x-xogħol tal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta qed jagħmel differenza kbira, jifforma l-politika Ewropea u jwassal għal bidliet reali.”
Donald Schembri, partner fil-kumpanija RSM Malta, ippreżenta r-rapporti finanzjarji tas-sena 2024.