Dak li l-lejl iħallik tgħid - issa tradott bl-Ingliż
Having said goodnight - traduzzjoni tal-ktieb ta' Pierre J Meilak, rebbieħ tal-Premju tal-UE għal-Letteratura
Pierre J. Mejlak - mingħajr dubju wieħed mill-awturi l-aktar maħbuba u mfittxija fix-xena kontemporanja Maltija. L-aħħar ktieb tiegħu, fl-2011, Dak li l-lejl iħallik tgħid, kien rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u s-sena l-oħra rebaħ ukoll l-ikbar unur Ewropew li ktieb jista’ jirbaħ: il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura. Din kienet biss it-tieni darba li awtur Malti rebaħ dan il-premju prestiġjuż.
Biex ikun jista' jasal għand firxa usa ta' qarrejja, Merlin Publishers ppubblikaw it-traduzzjoni Ingliża tiegħu. Bl-isem ta’ Having said goodnight, it-traduzzjoni hija xogħol Antoine Cassar u Clare Vassallo. Il-ktieb jinkludi l-istejjer kollha tal-verżjoni oriġinali, kif ukoll fih sorpriża għal dawk kollha li jsegwu l-kitbiet ta’ Mejlak: hemm tliet stejjer ġodda: Il-mejda tal-mogħdija, Iċ-ċawlun u L-għajta tal-pappagall.
L-istejjer miktubin bl-istil tipiku ta' Mejlak: l-istejjer jimxu bejn il-passat u l-futur, bejn il-ħajja reali u l-immaġinazzjoni, mill-qalba sal-periferiji. Niltaqgħu ma’ mara, tifraħ hekk kif tirċievi l-aħbar li żewġha nstab mejjet. Nisimgħu ċawlun li jidħol fl-appartament ta’ koppja żagħżugħa u jfarrkilhom iċ-ċertezzi u l-impressjonijiet tagħhom. Missier, fl-aħħar jiem ta’ ħajtu, jibgħat lil ibnu jfittex imħabba antika. Tifel ċkejken jagħmel ħbieb tas-sulfarini maħruqa; u armla ssib manuskritt tar-raġel tagħha u tagħmlu tagħha.
Id-drittijiet għal Having said goodnight inxtraw minn pubblikaturi f’diversi pajjiżi Ewropew, fejn se joħorġu traduzzjonijiet ta’ dan il-ktieb tul l-2016. Having said goodnight huwa wieħed mill-iżjed kotba Maltin internazzjonali li qatt ra s-suq, tant li t-tnedija tiegħu se ssir Waterstones, fi Brussell, il-Belġju, dakinhar tal-Jum Dinji tal-Ktieb. Se tkunlu ddedikata wkoll serata Londra. Intant, id-Dipartiment tat-Traduzzjoni ġewwa l-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta qed jorganizza attività f’ġieħ dan il-ktieb u t-traduzzjoni.
Fi kliem il-ġurija tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura: “Dan huwa ktieb dwar l-irrakkuntar tal-istejjer, mhux biss intiż bħala pjaċir li jinqasam bejn il-kittieb u l-qarrej iżda bħala rigal li jingħata bi mħabba u li jrid l-imħabba biex jiġi apprezzat fis-sħiħ.”